Sébastien Lecornu kien ikkonfermat fit-tmexxija tal-Parlament Franciz, ftit aktar minn 24 siegħa wara l-vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru preċedenti, François Bayrou – vot li ttieħed it-Tnejn filgħaxija.
Ir-riżenja ta’ Bayrou kienet inevitabbli. U l-impenji imminenti għal Lecornu kapaċi jkunu insuperabbli fiċ-ċirkustanzi. Dan minħabba li Lecornu se jkollu jmexxi Gvern ta’ minoranza…Sitwazzjoni li kienet fost il-fatturi ewlenin għat-tmiem ta’ Bayrou bħala Prim Ministru wara żmien qasir fil-kariga.
Fl-istess ħin, l-għażla tal-Prim Ministru Franċiż ma niżlet tajjeb xejn mal-avversarji politiċi. U d-deputati ma żammewx lura milli jikkundannaw il-ħatra ta’ Lecornu bħala pupazz ieħor tal-President Macron.
Sébastien Lecornu, li għandu 39 sena, kien il-kandidat favorit għar-rwol ta’ Prim Ministru ladarba François Bayrou spiċċa sfiduċjat fil-Parlament.
Dan meta Lecornu, fl-aħħar tlett snin, iddistingwa ruħu bħala l-Ministru Franċiż b’responsabbiltà għall-qawwiet armati — bi Franza tippersisti bl-appoġġ lill-Ukrajna bħala parti mill-Alleanza tal-Punent li qed tgħin lill-Ukreni jirreżistu l-invażjoni ta’ pajjiżhom mill-armata tar-Russja.
Fil-preżent, l-ebda partit jew alleanza politika ma għandha maġġoranza assoluta fil-Parlament ta’ Pariġi….Dan wara li l-President Macron, is-sena l-oħra, sejjaħ, b’sorpriża, elezzjonijiet nazzjonali ġodda wara li l-alleati politiċi tiegħu kienu marru ħażin fil-vot għall-Parlament Ewropew.
Fl-Assemblea, bħalissa, hemm tlett entitajiet ewlenin li huma l-politiċi taċ-ċentru, id-deputati tax-xellug u l-estremisti.
Intant, il-Gvern Franċiż, nhar il-Ġimgħa, għandu jiffaċċja eżami diffiċli – din id-darba mill-credit agency ‘Fitch’ li għandha tevalwa mill-ġdid id-dejn ta’ Franza.
//= $special ?>