Lokali

“Irrid nara pajjiż magħqud, ħadd ma jista’ jitħalla lura” – Alex Borg f’kummenti lill-ġurnalisti

Alex Borg fl-ewwel kummenti tiegħu barra l-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta tkellem dwar l-għaqda nazzjonali u kif ser jagħmel mezz fl-ewwel jiem tiegħu bħala Kap ħadd ma jitħalla lura u kulħadd jimxi ‘l quddiem flimkien sabiex jibda’ jinkiteb dan il-kapitlu ġdid fl-istorja politka Maltija.

Hu saħaq li wasal il-mument li l-Partit Nazzjonalista jibda’ joffri l-viżjoni tiegħu bi proposti konkreti li jkunu jistgħu jeħilsu lil pajjiżna mill-ħafna kriżijiet li għandu. U fuq nett tal-aġenda politika jkun hemm l-interess ta’ Malta u Għawdex l-ewwel u qabel kollox.

Intant il-Kap tal-Opożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista għalaq billi saħaq li issa jrid jimxi ‘l quddiem – b’appell b’saħħtu favur Dar Ċentrali miftuħa għal kull min hu ta’ rieda tajba u kull min irid li jbiddel id-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż.

Dan filwaqt li wiegħed tmexxija onesta u sinċiera b’lealta assoluta għal poplu Malti u Għawdxi kollu – lil hinn mill-kulur politiku – iżda direzzjoni waħda favur Nazzjon ġdid b’ideat friski li jistgħu jagħmlu d-differenza.