Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet l-appell ippreżentat minn Clifford James Vassallo ta’ 48 sena mis-Siġġiewi kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tat-2 ta’ Lulju 2025.
Vassallo kien akkużat li kiser ordni ta’ trażżin u obbligi oħra imposti fuqu favur l-eks sieħba tiegħu, fosthom li ma jikkuntattjaha bl-ebda mod. Minkejja li kien ammetta l-akkużi fi stadju bikri tal-proċeduri, l-Ewwel Qorti kienet sabitu ħati u kkundannatu għall-ħlas ta’ multa ta’ €7,438.23, li għandha titħallas f’rati fuq tliet snin, kif ukoll ordnat li jbati konsegwenzi oħra fosthom ordni ta’ trattament għal tliet snin u ordni ta’ trażżin favur il-vittma.
Fl-appell tiegħu, Vassallo sostna li l-piena kienet sproporzjonata, li kienet kontra l-prinċipju ta’ ekwità u li l-aġir tiegħu kellu jitqies bħala wieħed ta’ natura minuri, billi kien jinvolvi biss messaġġi “komplimentużi” fuq il-midja soċjali mingħajr vulgarità jew theddid.
Huwa insista li l-Qorti tal-Maġistrati kienet għandha tagħti aktar piż lill-ammissjoni bikrija tiegħu u li kienet setgħet tagħmlu suġġett ta’ ordni ta’ probation. Il-Qorti tal-Appell iżda ma laħqitx l-istess konklużjoni. L-Imħallef Camilleri enfasizza li l-appellant kien obbligat josserva l-ordnijiet imposti fuqu “b’mod skropluż mingħajr eċċezzjoni” u li l-fatt li kiser dawn l-obbligi ma setax jitqies bħala sempliċi jew ta’ importanza minima.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-pieni imposti mill-Ewwel Qorti kienu kollha fi ħdan il-parametri legali u ma kinux esaġerati jew żbaljati fil-prinċipju. Konsegwentement, l-appell ta’ Clifford James Vassallo ġie miċħud u s-sentenza tal-Ewwel Qorti ġiet ikkonfermata fl-intier tagħha, bil-pieni u l-ordnijiet kollha jibdew jgħoddu mid-data tas-sentenza tal-Appell.
//= $special ?>