Lokali Qorti

L-aħwa Degiorgio se jixhdu fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Il-Qorti ma laqgħetx talba ta’ Yorgen Fenech biex l-aħwa Degiorgio ma jixhdux fil-ġuri tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Alfred u George Degiorgio kienu rrifjutaw li jixhdu fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Yorgen Fenech, li minn naħa tiegħu sostna li għaldaqstant dawn issa għandhom jinqatgħu mill-lista tax-xhieda meta jsir il-ġuri.

Is-sentenza ngħatat mill-Qorti tal-Appell Kriminali fil-kawża Repubblika ta’ Malta kontra Yorgen Fenech mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giovanni Grixti u Josette Demicoli, kienet relatata ma’ punt purament procedurali iżda ta’ ċerta importanza fil-kawża serja kontrih.

Fenech jinsab mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li kien seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017 fil-Bidnija u qed jistenna li jgħaddi ġuri b’rabta ma’ dan id-delitt. Waqt li t-teżi tal-prosekuzzjoni hija li huwa qabbad lil min qatel lil Caruana Galizia, Fenech qed jiċħad li kien involut fil-qtil.

L-appell kien isegwi żewġ digrieti tal-Qorti Kriminali, wieħed tal-21 ta’ Marzu 2025 u ieħor tal-19 ta’ Ġunju 2025, li fihom kienet ġiet rifjutata t-talba ta’ Fenech biex jitneħħew l-ismijiet ta’ George u Alfred Degiorgio mil-lista ta’ xhieda fl-Att ta’ Akkuża.

Fenech ipprova jressaq din it-talba permezz ta’ eċċezzjoni ulterjuri skont l-artikolu 449 tal-Kodiċi Kriminali, billi sostna li l-“raġuni ġdida” kienet id-deċiżjoni tal-Qorti stess li kienet aċċettat il-preżenza tal-aħwa Degiorgio bħala xhieda.

Il-Qorti Kriminali iżda ma laqgħetx dan l-argument u qalet b’mod ċar li deċiżjoni tal-Qorti ma tistax qatt tifforma “raġuni ġdida” fis-sens tal-proviso ta’ dak l-artikolu. Quddiem il-Qorti tal-Appell, l-Avukat Ġenerali qajjem punt preliminari u sostna li l-appell ta’ Fenech kien wieħed null.

Il-Qorti tal-Appell però osservat li l-artikolu msejjaħ japplika għal deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Maġistrati u mhux għal deċiżjonijiet tal-Qorti Kriminali fil-fażi ta’ ġuri, u għalhekk ir-regola applikabbli kienet dik tal-artikolu 499(1) tal-Kodiċi Kriminali.

Dan l-artikolu jagħti d-dritt ta’ appell minn deċiżjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ provi. Kien hemm diskussjoni dwar jekk id-digriet setax jitqies bħala tali deċiżjoni, jew jekk kienx sempliċiment ċaħda ta’ talba għal eċċezzjoni tardiva.

Il-Qorti nnutat li kien hemm dubju serju fuq dan il-punt iżda, fid-dawl tal-prinċipju favur l-akkużat u wkoll fil-konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għażlet li tidħol fil-mertu tal-appell biex tevita riskju ta’ nuqqas ta’ smigħ ġust.

Il-Qorti tal-Appell qalet li Fenech ma kellux dritt li jressaq l-eċċezzjoni ulterjuri li permezz tagħha xtaq jikkontesta l-ammissibbiltà tax-xhieda tal-aħwa Degiorgio. Il-Qorti ħaldaqstant ma sabitx bażi biex tħassar jew tbiddel id-digrieti tal-Qorti Kriminali u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha.

Din l-interpretazzjoni timmira biex iżżomm bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużat u l-ħtieġa ta’ ordni u ċertezza fil-proċeduri kriminali. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-akkuzat huwa żbaljat meta fir-rikros
tal-appell jgħid illi l-Qorti Kriminali laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali li l-aħwa Degiorgio jiżdiedu mal-lista ta’ xhieda tagħha “biss” wara li jixhdu fil-kumpilazzjoni.

Dawn iz-zewg xhieda ma kienux parti mil-lista fin-nota ta’ xhieda meta ħarġet l-Att ta’ Akkuza lura fis-sena 2021 u dan meta l-istess zewg persuni kienu ghadhom akkuzati bl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-kawza tagħhom kienet għadha sub judice.

L-aħwa Degiorgio kienu rrifjutaw li jixhdu quddiem il-Qorti Istruttorja għar-raguni li kellhom pendenti proċeduri ta’ natura kostituzzjonali u in vista ta’ hekk, l-Avukat Ġenerali ressaq talba sabiex il-Qorti Kriminali tirrevoka d-digriet tagħha.

l-Qorti Kriminali kienet qalet li l-aħwa Degiorgio għandhom jixhdu waqt il-ġuri fuq talba ta’ l-Avukat
Ġenerali jew tad-difiza, jew inkella fuq ordni tal-Qorti jekk jidhrilha li d-depożizzjoni tagħhom hija meħtiega ghal kxif tal-verita’.

Dan ukoll fid-dawl tal-fatt illi dawn iż-żewg xhieda huma indikati fil-lista tax-xhieda taż-żewg partijiet, u dan diment li ma jkunx hemm xi impediment legali f’dak l-istadju sabiex jaghtu d-depożizzjoni tagħhom u li allura tali li jirrendi x-xhieda tagħhom bħala waħda inammissibbli.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Qorti Kriminali kienet korretta meta laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali li l-aħwa Degiorgio jizdiedu mal-lista ta’ xhieda tagħha u mhux minnu li din issir “biss” wara li jixhdu fil-kumpilazzjoni. Id-digriet ma fih l-ebda tali kundizzjoni.

Fenech ingħata l-ħelsien mill-arrest fl-24 ta’ Jannar li għadda mill-Imħallef Edwina Grima taħt diversi kundizzjonijiet wara li z-zija tiegħu Moira Fenech infurmat lill-Qorti li kienet qed tagħmel tajjeb għalih. Fenech ħareġ mill-ħabs wara li l-Qorti ngħatat konferma bil-miktub li l-ishma li z-zija tiegħu għandha fil-kumpanija Tumas ġew trasferiti b’mod temporanju lill-Gvern, proċess li ħa l-ġranet.

Jekk Yorgen Fenech jikser il-kundizzjonijiet li bihom inħeles mill-arrest jerġa’ jiġi arrestat, jitlef id-depożitu u l-garanzija personali u z-zija tiegħu titlef l-ishma tagħha fil-kumpanija Tumas u li jammontaw għal ċirka €50 miljun.

Minbarra din il-kundizzjoni, li tinvolvi t-trasferiment ta’ dawn l-ishma, il-Qorti kienet imponiet għadd ta’ kundizzjonijiet fuq Yorgen Fenech, fosthom depożitu ta’ €80,000 u jagħmel garanzija personali ta’ €120,000.

Li jkun segwit minn uffiċjal tal-probation, ordnat li jidher il-Qorti kull meta jiġi mħarrek, li jrid iżomm 50 metru ‘l bogħod mill-kosta u l-ajruport. Ma jistax jitlaq minn Malta jew jitla’ fuq dgħajsa jew mezz ieħor li bih jista’ jitlaq mit-territorju Malti.

Il-Qorti rabtet lil Fenech biex jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan u jkun id-dar bejn il-5pm u l-11am. Il-Qorti imponiet ukoll li Fenech jrid jgħix f’indirizz wieħed li jkun ingħata lill-Qorti. Il-Qorti ma kienitx qrat l-indirizz fejn se jkun qed jgħix bħala miżura ta’ sigurtà.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li se jkun qed jiġi stazzjonat pulizija 24 siegħa kuljum ma’ dan il-post. Il-passaport u l-karta tal-identità tiegħu nżammu wkoll mill-Qorti. Fenech ukoll ma jistax jitkellem jew javviċina lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, b’mod partikolari lil Melvin Theuma u Keith Schembri. Lanqas ma jista’ jagħmel kuntatt mal-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia u nħarġet ordni ta’ protezzjoni favurihom.

Għal Yorgen Fenech qed jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia bħala parte civile.