Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ serq aggravat minn lukanda fil-Qawra

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ħelset minn kull ħtija u piena lil Jeffrey Cassar, wara li dan kien instab ħati mill-Ewwel Qorti ta’ serqa aggravat f’lukanda fil-Qawra f’Mejju 2017 u kien ġie kkundannat għal 14-il xahar priġunerija bħala reċidiv.

Cassar kien sostna li l-imputazzjoni kienet difettuża għax ma kinitx speċifikat biżżejjed il-jum eżatt, li l-footage tas-CCTV ma setax jitqies prova valida u li l-prosekuzzjoni kienet bażata fuq xhieda hearsay ta’ turist li qatt ma tressaq jixhed.

Il-Qorti tal-Appell laqgħet l-argumenti tal-appellant, osservat li l-provi kontra Cassar ma kinux jissodisfaw il-livell ta’ ċertezza meħtieġ fil-liġi kriminali u għalhekk iddeċidiet li tħassar is-sentenza tal-Ewwel Qorti. Cassar, ta’ 41 sena.

Skont il-provi ta’ dak iż-żmien, Cassar flimkien ma’ mara li isimha ma jistax jixxandar u kompliċi ieħor kienu allegatament serqu ammont ta’ flus minn magni tal-logħob fil-lukanda u ħarbu b’karozza ħamra li kienet qed tistennihom. Il-kompliċi, wieħed Malti u l-ieħor barrani, ammettew mill-bidu u ngħataw sentenza ta’ probation ta’ tliet snin.

Il-Qorti tal-Appell qalet li għalkemm mill-filmat tas-CCTV l-appellant jidher jidħol fil-‘games room’ tal-lukanda mkien ma jidher li wettaq l-isgass. Lanqas wieħed jista’ jassoċja l-persuna li tidher fuq il-filmat li qed tilgħab logħba ‘billards’ ma’ ċertu Garner minħabba li din il-persuna ma ġietx identifikata quddiem l-Ewwel Qorti u għalhekk din il-Qorti ma tafx min huwa.

Li jħasseb ukoll lil din il-Qorti huwa l-ħin qasir li Cassar għadda ġol-‘games room’ u kif seta’ jirnexxilu jisgassa tali magna f’ħin daqshekk qasir. Minbarra dan, din il-Qorti qed tqis ukoll li d-duty manager tal-lukanda, Joseph Grima, lanqas irnexxielu jagħraf lill-persuna l-oħra li kien hemm ma’ Cassar.

Minkejja dak li xehed is-Surġent Glenn Carabott waqt id-depożizzjoni mogħtija minnu, il-Qorti qalet li ma tarax li l-kwadru probatorju jilħaq il-livell ta’ prova rikjest fil-kamp kriminali sabiex issib lill-appellant
ħati ta’ serq. Għaldaqstabt il-provi miġjuba fil-konfront tiegħu ma kinux jissodisfaw il-livell ta’ ċertezza meħtieġ fil-liġi kriminali.