Lokali Qorti

Miċħud appell fuq intenzjoni dwar traffikar ta’ droga

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet l-appell preżentat minn Simon Kind kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fid-9 ta’ Ġunju 2025. Huwa kien akkużat b’ħames reati relatati mad-droga u mediċini psikotropiċi, inkluż pussess u traffikar ta’ amfetamina u kokaina.

Fis-17 ta’ Frar 2012, il-Pulizija arrestaw lil Simon Kind u sabu fil-pussess tiegħu 17.09 grammi amfetamina, erbat elef ewro fi flus kontanti, miżien elettroniku, boroż vojta u tliet mobiles. Kind sostna li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu u argumenta li l-ammont ma kienx kbir u li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx l-intenzjoni ta’ traffikar, u sostna wkoll li l-flus kienu minn ommu u l-boroż għall-buttuni, għalkemm ma tressqet l-ebda prova biex tappoġġja dawn id-dikjarazzjonijiet.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Ewwel Qorti qieset b’mod raġonevoli l-fatti u l-provi quddiemha u li l-flus, il-miżien, il-boroż u l-ismijiet b’numru warajhom kienu indikazzjonijiet li d-droga ma kinitx għall-użu personali iżda għall-iskop ta’ traffikar.

L-imputat innega li huwa qatt kien jagħmel użu regolari minn drogi. Kif intqal, huwa kien uża l-kokaina
f’xi okkażjonijiet rari f’ħajtu meta kien iżgħar fl-età, u fiż-żmien tal-każ kien qiegħed jagħmel użu mill-efedrina.

Dan ma kienx fuq bażi ta’ kuljum jew regolari, iżda biss xi drabi meta kien jattendi l-gym. F’xi żminijiet oħra, ġieli kien għamel użu minn sustanzi relatati mal-isport bħal m’huma l-kreatina, jew kors ta’ steroids.

Apparti dan, ġieli kien fuq dieta speċifika adattata għall-isport jew qagħad attent x’jiekol. Huwa nnega li tali użu ta’ sustanzi qatt kien regolari jew li qatt ħass li kellu bżonnu jew li ma setax jgħaddi mingħajru.
Iżjed minn hekk, l-imputat qal li qatt ma kellu diffikultajiet b’xi sustanza illeċita, jew li kellu xi diffikultajiet personali, interpersonali, fiżjoloġiċi jew soċjali minħabba xi sustanza.

Il-verżjoni mogħtija mill-appellant ma nstabetx kredibbli jew verifikata bi prova esterna. Għalhekk, l-appell ġie miċħud, u s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati ġiet ikkonfermata fl-intier tagħha, billi Simon Kind baqa’ soġġett għas-sentenza ta’ Probation ta’ tliet snin u l-konfiska ta’ flus u oġġetti kif ordnat mill-Ewwel Qorti.