Lokali Qorti

Multa ta’ €700 talli importat bil-posta 13-il gramma kannabis

Paola Jovana, Albaniża ta’ 31 sena li tgħix Bormla, ġiet ikkundannata €700 multa wara li nstabet ħatja li permezz tal-posta daħħlet 13-il gramma kannabis f’Malta. Il-każ imur lura għat-12 ta’ Ġunju 2023, meta l-uffiċjali tad-Dwana fil-Maltapost qabdu pakkett żgħir li kien fih id-droga, kif ukoll xi kotba u kontenitur tal-kafè li, skont il-Pulizija, intuża biex inaqqas ir-riħa tal-kannabis.

Fuq il-pakkett kien hemm l-isem u l-indirizz ta’ Jovanaj, u għalhekk il-Pulizija bagħtu għaliha. Il-mara kienet pronta qalet li kienet taf għaliex bagħtu għaliha, u anke staqsiet jekk setgħux għall-inqas jagħtuha l-kotba.

Waqt l-interrogazzjoni, Jovanaj qalet li d-droga kien bagħtilha ħabib Ġermaniż li jgħix fl-Istati Uniti, u insistiet li kienet għall-użu personali biex tikkalmaha għax kienet għaddejja minn perjodu diffiċli. Madankollu qalet ukoll li ma kenitx taf li kienet se tirċievi d-droga.

Fil-Qorti, xehdu uffiċjali tad-Dwana u tal-Pulizija, filwaqt li anke l-imputata għażlet li tixhed. Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil qalet li kien improbabbli li l-mara ma kinitx taf li kienet se tirċievi d-droga, u għalhekk sabitha ħatja tal-akkuża.

Il-Qorti imponiet fuqha multa ta’ €700, li tista’ titħallas b’rata ta’ €100 fix-xahar fuq tmien xhur.