Opinjoni

OPINJONI – Alex Borg: Il-bidla li ġġib tama ġdida

Issa li Alex ġie konfermat Kap, il-partit irid jimmassimizza l-fatt li għandu f’Alex Kap bi kredenzjali differenti minn dawk preċedenti. (Ritratt: Catriel Farrugia)
Nifraħ lil Alex, kollega li dħalna fil-Parlament għall-ewwel darba flimkien fl-2022 futur mill-isbaħ, u nwegħdu l-appoġġ tiegħi bħala membru parlamentari u bħala attivist fil-PN

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
u s-Snajja’

Alex Borg hu l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Kull bidla ġġib magħha tama ġdida, opportunità ġdida, direzzjoni ġdida speċjalment f’partit politiku li jħares ’il quddiem biex joffri viżjoni lil pajjiż li lejh għandu obbligu elettorali.

Issa li Alex ġie konfermat Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-partit irid jimmassimizza l-fatt li għandu f’Alex Kap bi kredenzjali differenti minn dawk preċedenti. Jekk in-nuqqas ta’ esperjenza minħabba l-età setgħet dehret b’fattur negattiv, issa rridu nassiguraw li ż-żgħożija tiegħu nibbenifikaw minnha.

Filfatt, diġà ressaq ’il quddiem xejriet ġodda u differenti, u aktar friski fid-dehra, u din tista’ tkun ukoll parti mill-bidla. Ovvjament, il-bidla li jrid jara l-Partit Nazzjonalista ma tistax tkun, u ma għandhiex tkun kożmetika u fil-livell tal-wiċċ, imma għandha tkun ħafna aktar profonda minn hekk, u għalhekk jeħtieġ riformi interni fl-istrutturar ta’ kif jiffunzjona l-partit u kif jitfassal il-messaġġ u jiġi komunikat lill-elettorat.

Filfatt, matul il-kampanja elettorali tkellem b’mod miftuħ dwar l-idea ta’ bidla ġenerazzjonali. Jidhirli li din mhix biss bidla kwalunkwe, imma hija bidla li ġġib solidarjetà bejn ġenerazzjonijiet differenti biex ilkoll jagħtu sehemhom.

Ikun żball jekk nemmnu li l-Partit Nazzjonalista jista’ javvanza u jissaħħaħ billi jħares ’il quddiem biss, għax il-passat fil-politika għandu dejjem ikun mogħti biżżejjed importanza. Mogħti importanza mhux bħala passat nostalġiku għax l-istorja politika m’għandhiex tkun nostalġija imma bħala bażi għall-qofol tal-preżent u l-futur.

Mela, fil-bidla ġenerazzjonali rridu naraw taħlita mżewqa ta’ nies li għandhom esperjenzi differenti imma li lkoll lesti jingħaqdu biex jagħtu direzzjoni progressiva lill-partit. B’direzzjoni progressiva nifhem avvanz fil-mod tal-ħsieb u l-preżenza, u mhux fit-tbegħid mill-għeruq tal-partit li għandhom dejjem jibqgħu dawk il-valuri ewlenin u essenzjali li għalihom jeżisti l-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jrid ċertament jaġġorna u jitfassal b’bidliet li jridu jsiru u li ilhom biex isiru imma dejjem qgħadna lura. Il-bidliet superfiċjali ma jimpressjonawx, ma jaqbdux u ma jinxtrawx. Mela għalhekk, il-bidliet iridu jkunu lineari mas-soċjetà tal-lum.

Issa, nibqa’ nemmen li l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kollox u għal kulħadd fil-mod ta’ kif jittratta l-attitudni politika tiegħu, imma jrid ifittex bilanċ sostnut mir-raġuni u mill-valuri tiegħu. Nemmen li hemm modi ġodda kif napprowċjaw eletturi ġodda, oħrajn diżillużi u l-bqija, u dan irridu naħdmu fuqu. L-akbar żball ikun, fl-opinjoni tiegħi, li nħarsu biss lejn dak li jidher minn barra u ma naġġornawx il-magna interna u l-operat tagħha.

Mela, Kap ġdid irid iġib miegħu mod kif nilħqu lil dawk kollha li jidentifikaw ruħhom mal-Partit Nazzjonalista b’xi mod jew ieħor u fuq kollox dawk li le. Dan, ċertament ma jsirx biss b’approċċ progressiv, jew b’approċċ modern, imma jista’ jsir biss billi l-Partit Nazzjonalista jibni ideat ġodda, viżjoni realistika, politika nadifa, u fuq kollox konsistenza fil-messaġġ.

Nemmen li l-Partit Nazzjonalista qatt ma nbidel għax inbidel il-Kap tal-partit, u qatt mhux se jinbidel għaliex jinbidel il-Kap. Il-bidla sseħħ jekk kemm-il darba kulħadd iħares lejn l-istess direzzjoni. Nemmen li iva, hemm bidliet interni li jista’ jġibhom Kap ġdid, u nqis li l-bidliet fil-finanzjament, fil-midja, fil-kumitati, fit-tesserament, fil-fergħat jisbqu kull bidla oħra li tista’ ssir.

Mela, meta ngħidu li l-Partit Nazzjonalista jrid jaġġorna, ifisser li jrid jaġġorna f’kif ikunu amministrati l-finanzjament, il-midja, il-kumitati, it-tesserament u l-fergħat fost l-oħrajn. Dawn jiġu qabel l-operat tal-Grupp Parlamentari li minkejja l-irwol vitali tiegħu fil-partit, ma jistax ikun koerenti biżżejjed jekk ma jkollux l-appoġġ ta’ strutturi li jaħdmu internament.

Jista’ jikteb legat storiku

Nagħlaq billi qabel xejn nifraħ lil Alex, kollega li dħalna fil-Parlament għall-ewwel darba flimkien fl-2022 futur mill-isbaħ, u nwegħdu l-appoġġ tiegħi bħala membru parlamentari u bħala attivist fil-Partit Nazzjonalista. Ma għandix dubju li l-enerġija u l-entużjażmu li għandu għall-ħidma politika se ssarraf f’Kap straordinarju li jista’ jikteb legat storiku għall-partit u għal Malta.

Nirringrazzja lill-kollega Adrian Delia, li ta sehem impekabbli f’din l-elezzjoni li għaddiet biex illum il-Partit Nazzjonalista qiegħed jibda paġna ġdida.

Finalment inħeġġeġ lit-tesserati, lill-membri, lill-partitarji u lil dawk kollha li jappartjenu għall-Partit Nazzjonalista biex ma jarawx uċuħ imma jaraw biss l-interess tal-partit u tal-pajjiż, għaliex il-Partit Nazzjonalista jixraqlu tmexxija li tgħaqqad kulħadd u pajjiżna jixraqlu daqstant aktar Oppożizzjoni b’saħħitha li tisfida lill-Gvern tal-lum.

Insejjaħ lil dawk li sal-lum huma diżillużi, mhux biex jiġu fil-Partit Nazzjonalista imma biex iħarsu minn barra u josservaw. Ninsab ċert li hemm ħafna aktar li jħajjar milli li jbiegħed.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 10 ta’ Settembru, 2025.