minn Joe Cassar
Lanqas temmen li għaddiet sena. Kif nista’ ninsieh dak il-jum tal-10 ta’ Settembru 2024? Telefonata filgħodu kmieni qatgħetni minn ġewwa u xxukkjatni. Ma ridtx nemmen. Miet Karl Gouder, qalli min ċempel. Għedtlu li ma jistax ikun. Ġurnata qabel, waranofsinhar, kont xi siegħa ħdejh u kien normalissimu, x’seta’ ġralu? Imbagħad jasal it-tieni xokk… ma nafx liema kien l-ikbar minnhom.
Mal-għażiż ħabib tiegħi Karl ħdimt għal bosta snin. Jiena fit-tieni sular u hu fit-tielet. Imma s-sular differenti ma kienx jifridna, bl-ebda mod. Il-messaġġ fuq whatsapp “Int hawn? Itla’ sa ħdejja” kont drajtu sew. U kull meta kelli bżonn ngħidlu kelma jien u kont nibgħatlu “Meta tkun ftit kwiet ibgħatli ħa ntellfek ftit” kien iweġibni ftit sekondi wara. “Itla’, ejja, ma tafx li l-bieb tiegħi għalik dejjem miftuħ!”
Ma rridx ninftiehem li jiena kont xi ħadd privileġġat. Għall-kuntrarju, qed ngħid dan għax nemmen li Karl lil kulħadd kien jistma b’dan il-mod. Għalih kulħadd kien speċjali. Bniedem li jħobb in-nies, iħobb il-ħajja, iħobb ix-xogħol daqskemm iħobb id-divertiment u s-safar, iħobb il-familja daqskemm kien iħobb lilu nnifsu, iħobb bi mħabba speċjali l-post fejn twieled, trabba u għex għal bosta snin. San Ġiljan kien f’qalbu, ħadem għalih mill-qrib fil-perjodu li kien imexxi l-Kunsill Lokali, u mill-bogħod ukoll meta n-nies tal-lokal tawh il-fiduċja tagħhom u eleġġewh fil-Parlament. Ħabb il-partit li ħadem fih mingħajr estremiżmu jew partiġjaniżmu żejjed, u kien lest biex jidħol għal sfida iebsa sew fiċ-ċentru tat-tmexxija. U kellu diġà l-appoġġ ta’ bosta għal din il-kariga li kienet qed tistennieh.
Il-jum iswed tal-10 ta’ Settembru
Kien proprju għalhekk ix-xokk kbir li ħadt meta tawni l-aħbar fil-jum iswed tal-10 ta’ Settembru tas-sena li għaddiet. Kif tista’ temmen li persuna li kont magħha ftit sigħat biss qabel tmiem il-jum tal-aħħar lejl tiegħu u li dehret normalissima bħal kull ġurnata ta’ qabel, kienet ħallietna għal dejjem ħabta u sabta?
Kif tista’ temmen li persuna li tant kienet tħobb il-ħajja u n-nies, kellha tinfired minn dak kollu li ħabbet u minn dawk kollha li ħabbewha, f’ħakka t’għajn? Xejn ma kien faċli. U dak li ma kienx faċli dakinhar mhuwiex faċli lanqas illum. Il-mistoqsija tibqa’ ddur, u ddur, u tkiddek mhux ftit: Għaliex, Karl? Għaliex?
L-ewwel persuna li kellmitni meta dħalt għax-xogħol l-għada u staqsietni kif jien, weġibtha li qed inħossni ‘orfni’. Għaddiet sena, u mhux se niddejjaq ngħid li għadni nħossni bħal dakinhar! Għax il-post vojt li ħalla warajh Karl, għalija għadu vojt.
Ma kienx biss kollega
Għax Karl ma kienx biss kollega. Karl kien ukoll ħabib. Kien dak bil-bieb tal-uffiċċju tiegħu dejjem miftuħ u dejjem dispost li jisma’, anki jekk jaf li ġeneralment kien ikun se jisma’ problemi u li se jintalab jagħti s-soluzzjoni għalihom. Xi ħaġa li mhux dejjem kienet faċli.
Karl kien kapaċi jagħmel ħafna affarijiet. B’eċċezzjoni ta’ żewġ affarijiet. Ma kienx kapaċi jgħid ‘le’. Lil ħadd. U ma kienx kapaċi jobgħod. Lil ħadd.
Naf x’jien ngħid. Lil Karl kellimtu maż-żmien fuq problemi jew inġustizzji li stajt għaddejt minnhom jien. U fejn seta’, irrimedja fil-pront. Imma probabbilment kellimtu aktar fuq problemi ta’ kollegi oħra milli fuq tiegħi. U qatt ma sibt bieb magħluq. Qatt ma dawwar wiċċu n-naħa l-oħra, anzi, kien jibqa’ jfittex is-soluzzjonijiet, anki jekk jibgħat għalija aktar minn darba biex jisma’ iktar milli jitkellem, u biex bl-umiltà kollha jitlob anki parir. Kif għamel proprju dakinhar, fid-9 ta’ Settembru 2024, ftit ħin biss qabel ħareġ mill-uffiċċju tiegħu għall-aħħar darba. Tkellimna fuq problema tax-xogħol – xejn kbir. Tajtu l-ħsibijiet tiegħi u wegħidni li l-għada kien se jaġixxi skont kif għedtlu. Kellimni wkoll dwar persuna li kien preokkupat dwarha. Imma l-ebda referenza għal xi problema li setgħet kienet qed ittaqqlu.
Il-lat uman tiegħu forsi ma kienx konxju biżżejjed minnu kulħadd. Seta’ kellu rivali fil-politika. Imma għedewwa ma kellux żgur, la mill-partit tiegħu u lanqas mill-partit l-ieħor. Ir-rispett li ntwera lejh minn kull partit politiku u minn kull soċjetà jew organizzazzjoni oħra wara mewtu, kien l-akbar xhieda ta’ dan.
Jgħidu li ż-żmien inessi. Imma ma naħsibx li se jirnexxilu jnessi lil Karl Gouder kif ġieb u laħaq mill-moħħ u l-qalb ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu qribu. L-għeżież familjari tiegħu. Il-kollegi tad-Dar Ċentrali. Il-kollegi fil-gruppi parlamentari taż-żewġ partiti.
Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lit-tmexxija tal-partit u tal-kumpanija li b’mod immedjat offrew servizzi ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali b’mod kollettiv għall-impjegati u anki b’mod individwali għal dawk li ħassew il-bżonn ta’ kura terapewtika biex setgħu jkomplu bil-ħajja normali fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Kien ġest f’waqtu u apprezzat li żgur għen ħafna lil dawk li bħali ħassew li kellhom jirrikorru għalih.
Karl jibqa’ magħna
Sfortunatament, ftit aktar minn sena ilu kellna ninfirdu mill-għażiż Karl Gouder. Imma l-memorji sbieħ tas-snin li qattajna qrib tiegħu għadhom hemm, u jibqgħu hemm. Karl jibqa’ ħaj fil-memorji tagħna. Jibqa’ ħaj fil-ġid li għamel f’ħajtu. Jibqa’ ħaj fl-eżempji sbieħ li jixprunawna biex ma ndawru wiċċna qatt quddiem il-problemi u l-bżonnijiet tan-nies, ikunu min ikunu, jemmnu x’jemmnu.
Kemm tkun isbaħ id-dinja b’aktar nies bħalma kien Karl. Sena wara għadu f’qalbna. U jibqa’.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 10 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>