Lokali

Pjan ta’ azzjoni sabiex l-artisti jkollhom paga ġusta

Ritratt: Martin Agius

Hemm bżonn li l-artisti jkollhom paġa ġusta…għaliex ix-xogħol artistiku, huwa xogħol ukoll.

Dan kien l-element prinċipali li ħareġ minn konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Arti u d-Divertiment  – konferenza li fiha ppreżentaw erba’ pilastri prinċipali ta’ azzjoni li bihom l-artisti lokali, partikolarment iż-żeffiena, l-atturi, l-kantanti u l-mużiċisti jingħataw paga ġusta.

Fid-dokument li ppublikaw il-MEIA u li jikkonsisti f’70 paġna ta’ riċerka u proposti, huma ddiskrivew l-erba’ pilastri: li huma l-bżonn li jkun hemm prinċipi ta’ ħlas ġust, li jkun hemm mudell ta’ pagamenti, li tinħoloq sistema ta’ rata settorjali, u li jinħoloq iżjed għarfien għal ħlas ġust.

F’kumment ma’ NET News, il-President tal-MEIA Maria Galea spjegat x’inhu eżatt il-pjan tagħhom, u għaliex ħassew il-bżonn li joħolqu dawn il-proposti.

Ritratt: Martin Agius

Il-MEIA fetħu wkoll konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan ta’ azzjoni li pproponew. Huma qed iħeġġu lil kulħadd sabiex jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni li wieħed jista jaċċessa fuq il-website tagħhom sat-30 ta’ Novembru.

Għal din il-konferenza attendiet il-Membru Parlamentari Julie Zahra, li ilha snin twal involuta fis-settur artistiku.

Flimkien mad-dokument ta’ pożizzjoni u l-konsutazzjoni pubblika huma wkoll nedew grupp ta’ ħidma favur paga ġusta sabiex flimkien jibdew il-proċess biex tinħoloq sistema ta’ rata settorjali li permezz tagħha se jkunu qed iwettqu għadd ta’ diskussjonijiet ma’ diversi persuni fis-settur biex jirriflettu r-realtajiet kemm tal-artisti, kif ukoll ta’ min iħaddem.

Wieħed jista jaċċessa d-dokument ta’ pożizzjoni u l-konsultazzjoni pubblika billi jżur: https://meia.org.mt/meia-launches-action-plan-for-fair-payments-in-maltas-performing-arts-sector/