Lokali

Sena ilu tlifna mhux biss kollega, imma ħabib

Illum huwa għeluq is-sena mill-mewt tal-Eks Chief Operations Officer ta’ Net Media Karl Gouder, li miet fl-età ta’ 45 sena.

Karl Gouder twieled fil-15 ta’ Mejju tal-1979 fejn għex u trabba f’San Ġiljan. Bl-imħabba lejn il-lokalità tant kibret mas-snin li għażel li jservi lin-nies ta’ San Ġiljan. Fil-fatt, Karl Gouder mexxa l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan bħala sindku wara li kiseb l-akbar ammont ta’ voti f’din il-lokalità. F’dik is-sena, fl-2015, Karl Gouder kien il-kandidat favorit meta kiseb 1,040 fl-ewwel għadd.

L-istudji tiegħu bdew fl-iskola ta’ Stella Maris, Ħal Balzan, biex fiż-żgħożija tiegħu, l-istudji tiegħu komplew fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Biex fis-snin ta’ wara beda l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn fl-2001 gradwa bl-Unuri fil-B. Commerce. Hawnhekk, hu ma kienx biss student iżda saħansitra okkupa diversi rwoli fil-kamp studentesk fosthom fil-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, fejn serva fir-rwol ta’ Kaxxier u anke President.

Huwa serva wkoll bħala membru fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ għal xi żmien.

Biex imbagħad kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Heriot-Watt fejn wara ħames snin ta’ studji, fl-2018 gradwa fl-istudji dwar in-negozju.

Bħala Membru Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista huwa serva fi tliet leġiżlaturi, bejn l-2010 u l-2013 meta ħa post Michael Frendo li kien se jinħatar Speaker. Dak iż-żmien, ta’ 30 sena, kien l-iżgħar Membru Parlamentari fin-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Imbagħad, fl-2016 kien ġie co-opted fil-Parlament wara r-riżenja ta’ Albert Fenech biex serva għall-aħħar sena tal-leġiżlatura. Biex imbagħad ġie elett bħala Membru Parlamentari u serva bejn l-2017 u l-2022 fejn kien Shadow Minister għall-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Kunsilli Lokali.

Mill-2013 ‘il quddiem, Karl Gouder serva lil NET Media fi rwoli diversi, fosthom fid-dipartiment tar-riklamar. Bl-aħħar rwol li serva kien dak ta’ Chief Operations Officer. Persuna li kienet maħbuba ferm mill-impjegati għax-xogħol siewi li wettaq.