Nyasizo Jones Magouri, mara ta’ 33 sena minn Tanzanija iżda b’residenza fid-Danimarka, ġiet ikkundannata sentenza sospiża wara li serqet tliet fliexken fwieħa mid-duty-free shop tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-inċident seħħ fit-30 ta’ Awwissu li għadda, meta l-mara neħħiet il-fliexken mill-kaxxi tagħhom u poġġiet il-kaxxi vojta lura fuq l-ixkafef biex tipprova tevita li tinqabad. Fil-Qorti, l-imputata ammettiet mill-ewwel il-ħtija tagħha u meta tressqet fl-1 ta’ Settembru li għadda dehret emozzjonata, tant li bdiet tibki meta kkonfermat li kienet se tammetti.
L-avukat difensur magħżul mill-Qorti, Martin Farrugia, sostna li kien każ ta’ nuqqas ta’ ġudizzju u talab lill-Qorti tqis li l-akkużata kkopperat mal-Pulizija mill-ewwel mument, u anke wriet fejn kienu moħbija l-kaxxi vojta. Huwa kien fakkar ukoll li Magouri kellha titlaq lejn id-Danimarka u talab li l-każ jiġi deċiż malajr biex tkun tista’ tivvjaġġa.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija minn Miryea Mifsud, ikkonfermat li l-akkużata kkopperat, għalkemm inizjalment qalet li l-fwejjaħ kienu tagħha. Intqal ukoll li l-prodotti ma setgħux jinbiegħu mill-ġdid peress li nkissru s-siġilli tal-kaxxi, iżda l-Prosekuzzjoni ma talbitx piena ta’ priġunerija effettiva.
L-avukat difensur saħaq ukoll li l-klijenta tiegħu kienet lesta tħallas il-valur tal-oġġetti, li kien ta’ €392, iżda l-Qorti qalet li l-oġġetti kellhom jingħataw lura lill-proprjetarju. Il-Qorti nnutat li inizjalment l-akkużata ma kinitx qed tikkopera iżda mbagħad bidlet il-verżjoni tagħha u għenet lill-Pulizija. L-oġġetti ġew restitwiti lill-maniġer tal-ħanut barra mill-awla.
Fl-aħħar, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Abigal Critien rrilevat li l-imputata ammettiet il-ħtija tagħha fl-aktar stadju bikri tal-proċeduri, u għalhekk tat kas tal-prinċipji li f’ċirkostanzi bħal dawn, is-sentenzi jiġu mnaqqsa minħabba l-iffrankar ta’ ħin u riżorsi.
B’hekk, wara li rat il-liġijiet rilevanti, il-Qorti sabet lil Magouri ħatja u kkundannatha għal sena priġunerija, iżda ssospendiet is-sentenza għal sentejn. Dan ifisser li l-mara mhux se tqatta’ żmien il-ħabs, iżda s-sentenza tibqa’ fuqha għal sentejn bħala piena sospiża, sakemm ma twettaqx reat ieħor f’dak il-perjodu.
//= $special ?>