Kampanja ta’ infurzar kontra l-persuni bla saqaf fuq rashom wasslet biex 15-il persuna oħra ġew akkużati li għexu ħajja ta’ vagabundaġġ u ta’ tallaba wara spezzjonijiet tal-pulizija fil-Marsa, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira.
B’kollox, il-Ħamis ġew arrestati 28 persuna, fejn 13 minnhom instabu li qed jgħixu f’Malta b’mod irregolari, filwaqt li l-oħrajn ġew investigati dwar reati li dejqu n-nies meta għamluha ta’ tallaba u għexu ħajja ta’ għażż.
Il-15-il persuna tressqu l-Qorti l-Ħamis stess u ġew mixlija li għexu ħajja b’dan il-mod, li naqsu milli juru li qegħdin ifittxu li jsibu impieg regolarment minkejja li m’għandhomx mezz ta’ għajxien, kif ukoll li kienu qed jittallbu. Xi wħud minnhom ġew akkużati wkoll bħala riċedivi.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, ħafna mill-akkużati wieġbu li mhumiex ħatja, filwaqt li dawk li ammettew il-ħtija tagħhom se jiġu kkundannati fis-25 ta’ Settembru.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabria Gatt u Matthew Attard, filwaqt li l-avukati Yanica Bugeja u Axl Camilleri dehru għall-imputati.
//= $special ?>