Internazzjonali

Alleat ta’ Trump, Charlie Kirk inqatel f’Università fl-Istati Uniti

Influencer ta’ 31 jinqatel wara sparatura – iħalli warajh lil mara tiegħu u żewġt itfal.

Charlie Kirk, attivist, influencer però fuq kollox ammiratur kbir tal-President Amerikan Donald Trump safa maqtul b’tir f’għonqu nhar l-Erbgħa.

Assassinju li ħasad lil ħafna. Il-mewt ta’ Kirk ħolqot sens ta’ biża’ fil-qasam tal-politika għaliex hija turija ċara ta’ vjolenzja fi ħdan il-politika, speċjalment fl-Istati Uniti.

Kien il-President innifsu li kkonferma fuq il-midja soċjali tiegħu li Charlie Kirk ta’ 31 sena miet.

L-isparatura seħħet waqt li Kirk kien qiegħed jitkellem f’attività fl-Università ta’ Utah Valley.

Diversi filmati tax-xena nxterdu fuq il-midja soċjali, filmati li juru lil Kirk jitkellem ma’ massa kbira ta’ żgħażagħ u fid-daqqa u l-ħin jinstema’ ħoss ta’ sparatura. Jidher illi Kirk ftit sekondi wara li ntlaqat mill-isparatura waqa’ minn fuq is-siġġu, b’kaos sħiħ jinqala’ fl-udjenza.

L-università minn naħa tagħha qalet li l-isparatura seħħet għal ħabta ta’ nofsinhar u li qabel kien hemm persuna suspettata li nżammet għall-investigazzjoni. Minkejja dan jidher, hekk kif ġie rraportat minn diversi ġurnali Amerikani, li dan ma kienx il-każ.

Trump fuq il-midja soċjali tiegħu, tenna kif ħadd ma kien jifhem liż-żgħażagħ Amerikani aħjar minn Charlie, huwa kien maħbub u ammirat minn kulħadd, speċjalment minn Trump innifsu.