Futbol Sport

Birkirkara u Hibernians għall-ewwel darba kontra xulxin wara l-finali tal-FA Trophy f’Mejju li għadda

Dexter Xuereb ta' Hibernians u Jan Busuttil ta' Birkirkara
Dexter Xuereb ta' Hibernians u Jan Busuttil ta' Birkirkara

Kważi erba’ xhur wara li Birkirkara u Hibernians kienu ltaqgħu kontra xulxin fil-finali tal-Meridianbet FA Trophy, dawn iż-żewġ timijiet li jistgħu jitqiesu fost l-akbar rivali li kellna f’dawn l-aħħar snin fil-futbol lokali, se jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin f’match day 3 tal-Malta Premier.

Wara l-waqfa tal-kampjonat, Birkirkara qed jittamaw li juru titjib fil-logħob tagħhom. Fl-ewwel żewġ partiti tal-kampjonat, wieħed kien qed jistenna aktar minn Birkirkara, meta huma temmew fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Valletta u Gżira United rispettivament. Dawn iż-żewġ riżultati ma niżlux tajjeb mal-klann tal-Istripes, tant li fil-jiem li għaddew, bi qbil bejn it-tnejn, Birkirkara ħabbru li kienu laħqu ftehim mal-kowċ Stefano De Angelis biex jinħallu mill-kuntratt ta’ bejniethom. S’issa l-kowċ il-ġdid li mistenni jmexxi l-iskwadra għall-bqija tal-istaġun, għadu ma tħabbarx u t-tim qed jitmexxa mil-caretaker kowċ, u dak li kien l-assistant coach ta’ Birkirkara, Alessandro Caridi.­­­­

It-Taljan tkellem fid-dettall dwar il-ħidma tiegħu bħala kowċ interim ta’ Birkirkara, waqt konferenza stampa li nżammet illum fejn tkellmu fost l-oħrajn iż-żewġ kowċis rispettivi.

L-avversarji ta’ Birkirkara, Hibernians, ġejjin minn rebħa u draw fl-ewwel żewġ impenji tal-Malta Premier. L-iskwadra minn Raħal Ġdid, s’issa kienet l-aktar tim li skorjat gowls u sofriet gowls fil-kampjonat.

Dwar dan il-fatt tkellem il-kowċ ta’ Hibernians, Branko Nisevic fil-konferenza stampa ta’ dalgħodu, li kienet organizzata mill-MPL f’Ta’Qali.

Aktar dettalji u kummenti li saru qabel din il-partita, mhux biss miż-żewġ kowċis rispettivi, iżda wkoll mill-plejers taż-żewġ naħat, Jan Busuttil ta’ Birkirkara u Dexter Xuereb ta’ Hibernians, se tkunu tistgħu ssegwuhom u taqrawhom permezz tal-midja soċjali ta’ Net News u ta’ Replay, kif ukoll fuq dan in-news portal ta’ Net News u l-gazzetta In-Nazzjon, qabel tintlagħab din il-logħba tant mistennija minn match day 3 tal-Malta Premier, nhar is-Sibt li ġej.