Fil-jum tal-ġurament tal-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Professur Andrew Azzopardi tkellem fit-tul dwar il-bidla li qed iġib Alex Borg f’dawn l-ewwel jiem kemm ilu fit-tmexxija tal-PN.
Dan wara li f’post fuq il-midja soċjali kien iddikjara li “Alex Borg għall-Partit Laburista huwa theddida”.
Waqt il-programm Perspettivi, Andrew Azzopardi stqarr li huwa interessat ħafna sabiex jara l-aġenda u n-narrattiva tiegħu, il-proċess tar-reshuffling u kif il-PN se jinfetaħ aktar.
Hu saħaq dwar l-importanza li Adrian Delia u Alex Borg jaħdmu flimkien għal għan wieħed.
Il-Professur Azzopardi spjega li Alex Borg daħal għal din l-isfida li hija kruċjali għall-futur tal-pajjiż.
U fakkar kif il-Kap tal-PN qed jiffoka fuq il-kelma unità – element li kapaċi jrebbaħ lill-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess xandira, l-opinjonista Austin Sammut, ikkummenta fuq kif l-elezzjoni ta’ Alex Borg bħala Kap ġdid, wasslet propju għall-kapitlu ġdid għall-Partit Nazzjonalista. Sostna kif issa l-partit għandu kap żagħżugħ – b’enerġija u entużjażmu. U jarah bħala persuna determinata u b’ideat friski.
L-editur eżekuttiv tal-Malta Today Kurt Sansone, irrefera għad-dikjarazzjoni li kien għamel Tonio Borg f’din l-istess xandira meta qal li “Alex Borg huwa kalamita tan-nies”.
Kurt Sansone stqarr li bosta persuni raw l-intervista li kellu l-Kap il-ġdid tal-PN fil-programm XTRA fuq TVM. U ħafna ddikjaraw kif Alex Borg qed jogħġobhom bil-mod kif qed jitkellem.
B’Sansone jgħid li din il-kwalità m’għandhiex tkun biss tal-Kap tal-partit, iżda għandha tkun tal-Partit Nazzjonalista kollu.
//= $special ?>