Lokali

“Il-kisba tal-ugwaljanza hija responsabbiltà kollettiva li minnha jibbenefika kulħadd, inkluż l-irġiel” – organizzata l-Konferenza Annwali tal-NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) organizzat il-Konferenza Annwali tal-2025 fejn tat ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol li sar matul l-2024.

Fid-diskors tagħha, Graziella Attard Previ, Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal, faħħret ix-xogħol li sar mill-NCPE matul is-snin, filwaqt li ddeskriviet il-Kummissjoni bħala l-kuxjenza tal-istituzzjonijiet tagħna. “Il-qafas leġiżlattiv ta’ Malta llum huwa aktar konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet umani minħabba l-ħidma li l-Kummissjoni twettaq minn wara l-kwinti — u dan m’għandux jiġi sottovalutat”, qalet Attard Previ. Hija kkonkludiet li waqt li niċċelebraw il-kisbiet tal-NCPE, u billi nagħrfu li Malta hija soċjetà aktar ġusta u inklużiva grazzi għall-ħidma tagħha, ejjew napprezzaw l-opportunità li nirriflettu b’mod kritiku fuq oqsma fejn nistgħu nikbru, u fejn l-NCPE tista’ tmexxi l-bidla soċjali.

Waqt il-konferenza ntqal ukoll li l-ħidma tal-NCPE kienet strumentali fit-tfassil ta’ soċjetà fejn l-ugwaljanza mhijiex biss prinċipju, iżda realtà għal kulħadd.

Il-Kummissarju tal-NCPE, Renee Laiviera, qalet li l-2024 kienet sena speċjali għall-NCPE hekk kif iċċelebrat żewġ deċennji ta’ ħidma u impenn lejn l-ugwaljanza. Laiviera spjegat iż-żewġ rwoli ewlenin tal-NCPE: l-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ allegat diskriminazzjoni u l-promozzjoni ta’ trattament ugwali permezz ta’ taħriġ, kampanji ta’ għarfien, parteċipazzjoni fil-midja tradizzjonali u soċjali, kif ukoll riċerka.

Laiviera semmiet ukoll it-twessigħ tal-mandat tal-NCPE biex tippromwovi, tanalizza, tissorvelja u tappoġġja l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet ta’ kumpaniji elenkati, b’konformità mad-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet.

Matul il-konferenza, 10 organizzazzjonijiet ġew ċertifikati bl-Equality Mark tal-NCPE għall-ewwel darba bħala rikonoxximent tal-impenn tagħhom favur l-ugwaljanza fil-policies u l-prattiċi fuq il-post tax-xogħol; filwaqt li 37 organizzazzjoni oħra ġew iċċertifikati mill-ġdid bħala konferma ta’ dan l-impenn. B’kollox, bħalissa hemm 155 organizzazzjoni li għandhom l-Equality Mark, li flimkien jimpjegaw aktar minn 37,640 impjegat f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza ċċertifikata. Barra minn hekk, l-NCPE tat iċ-Ċertifikazzjoni tal-Equal Pay lil kumpanija oħra bħala rikonoxximent tal-konformità tagħha mal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. B’kollox, bħalissa hemm 4 kumpaniji li għandhom iċ-Ċertifikazzjoni tal-Equal Pay.

L-isfida tal-isterjotipi u n-normi soċjali għal soċjetà aktar miftuħa u magħquda hija impenn ieħor li l-NCPE qiegħda tkompli tindirizza. Laiviera spjegat li filwaqt li d-diskussjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tradizzjonalment iffokaw fuq li tingħata aktar setgħa lin-nisa u l-indirizzar tal-ostakli li jiffaċċjaw, huwa kruċjali li nenfassizzaw li l-kisba tal-ugwaljanza hija responsabbiltà kollettiva li minnha jibbenefika kulħadd, inkluż l-irġiel.

F’dan il-kuntest, André Callus, Maniġer tal-NCPE (Politika u Taħriġ), introduċa s-suġġett dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Maskilità segwit minn panel li ddiskuta l-perspettivi diversi dwar ‘Il-Maskulinitajiet fis-Soċjetà Maltija’, inklużi l-aspettattivi marbuta mal-ġeneru u r-rwol li qed jevolvi tal-irġiel fil-familja, l-isterjotipi tal-ġeneru fil-letteratura Maltija, il-maskulinitajiet u l-isterjotipi tal-ġeneru fuq il-midja soċjali, kif ukoll il-maskulinitajiet tossiċi.

Fir-rimarki konklużivi tagħha, il-Kummissarju tal-NCPE, Renee Laiviera qalet li l-NCPE se tkompli taħdem biex issaħħaħ aktar l-ugwaljanza għall-gruppi kollha fis-soċjetà Maltija, inklużi n-nisa u l-irġiel kollha