- Miri għall-2030 biex jitnaqqas l-iskart tal-ikel
- Il-produtturi għandhom ikopru l-ispejjeż tal-ġbir, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart tat-tessuti
- Kull Ewropew jiġġenera 132kg ta’ skart tal-ikel u 12kg ta’ skart tal-ħwejjeġ u ż-żraben fis-sena
Il-Parlament ta l-approvazzjoni finali tiegħu għal miżuri ġodda biex jipprevjeni u jnaqqas l-iskart mill-ikel u t-tessuti madwar l-UE.
Tnaqqis tal-iskart tal-ikel
Il-leġiżlazzjoni aġġornata se tintroduċi miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel, li għandhom jintlaħqu fuq livell nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2030: 10% mill-ipproċessar u l-manifattura tal-ikel u 30% per capita mill-ħwienet, ristoranti, servizzi tal-ikel u djar. Dawn il-miri se jiġu kkalkulati meta mqabbla mal-ammont iġġenerat bħala medja annwali bejn l-2021 u l-2023. Wara t-talba tal-Parlament, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi li għandhom rwol sinifikanti fil-prevenzjoni u l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel (li għandhom jiġu identifikati f’kull pajjiż) jiffaċilitaw id-donazzjoni ta’ ikel mhux mibjugħ li huwa sikur għall-konsum mill-bniedem.
Il-produtturi għandhom ikopru l-ispejjeż tal-ġbir, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tat-tessuti tal-iskart
Il-produtturi li jagħmlu prodotti tessili disponibbli fl-UE se jkollhom ikopru l-ispejjeż tal-ġbir, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tagħhom, permezz ta’ skemi ġodda ta’ responsabbiltà tal-produttur li għandhom jiġu stabbiliti minn kull stat membru, fi żmien 30 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet se japplikaw għall-produtturi kollha, inklużi dawk li jużaw għodod tal-kummerċ elettroniku u irrispettivament minn jekk humiex stabbiliti f’pajjiż tal-UE jew barra mill-Unjoni. Il-mikrointrapriżi se jkollhom sena żejda biex jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti.
Ir-regoli l-ġodda se jkopru prodotti bħal ħwejjeġ u aċċessorji, kpiepel, żraben, kutri, bjankerija tas-sodda u tal-kċina, u purtieri. Fuq inizjattiva tal-Parlament, il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jistabbilixxu skemi ta’ responsabbiltà għall-produtturi tas-saqqijiet.
L-istati membri għandhom jindirizzaw ukoll il-prattiċi ta’ ultra-fast u fast fashion huma u jiddeċiedu dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-iskemi ta’ responsabbità tal-produttur.
Skont ir-regoli tat-tieni qari, il-President ħabbret fil-plenarja li l-att propost kien meqjus adottat (il-pożizzjoni kienet diġà maqbula mill-Kunsill aktar kmieni dan is-sajf).
Il-liġi issa se tiġi ffirmata miż-żewġ koleġiżlaturi, qabel il-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE se jkollhom 20 xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha biex jittrasponu r-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
F’Lulju 2023, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-iskart, immirata lejn l-iskart tal-ikel u tat-tessuti. Kull sena, fl-UE jiġu ġġenerati kważi 60 miljun tunnellata ta’ skart tal-ikel (132 kg għal kull persuna) u 12.6 miljun tunnellata ta’ skart tat-tessuti. Il-ħwejjeġ u ż-żraben waħedhom jammontaw għal 5.2 miljun tunnellata ta’ skart, ekwivalenti għal 12 kg ta’ skart għal kull persuna kull sena. Huwa stmat li inqas minn 1% tat-tessuti kollha madwar id-dinja jiġu riċiklati fi prodotti ġodda.
//= $special ?>