Sport Sport Ieħor

Il-poloz tal-Kampjonat tal-Irġiel tal-Futsal se jitilgħu nhar it-22 ta’ Settembru  

Kollox hu lest biex minn Ottubru jibda staġun ġdid tal-Futsal
Kollox hu lest biex minn Ottubru jibda staġun ġdid tal-Futsal

Il-Futsal Malti jinsab lest għal staġun ġdid u storiku hekk kif f’Ottubru jibda uffiċjalment il-15-il staġun tal-Kampjonati tal-Futsal Maskili, taħt il-patroncinju ta’ Enemed bħala l-isponsor ewlieni. Bħal kull sena, il-kompetizzjoni se tinkludi t-tliet kompetizzjonijiet prinċipali: il-Kampjonat, it-Trophy u s-Super cup.

Ir-rebbieħa renjanti Luxol St Andrews Futsal se jidħlu għal dan l-istaġun wara li rebħu seba’ kampjonati konsekuttivi. Din is-sena se jkunu qed jiltaqgħu ma’ sfidi ġodda minn diversi timijiet, fosthom tliet parteċipanti ġodda: Sliema Futsal Fort Fitness, Santa Venera Lightnings Futsal u Żejtun Corinthians Futsal WA, filwaqt li se jkunu qed jirritornaw is-selezzjoni ta’ taħt is-17-il sena tal-Futsal, il-Futsal Selection U19, GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal, Marsaskala Futsal Legends u University of Malta Futsal.

Il-logħob se jintlagħab ġewwa n-National Sports School f’Pembroke kull nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa filgħaxija, kif ukoll is-Sibt wara nofsinhar. Il-kampjonat jibda f’Ottubru u il-Poloz tal-Enemed Futsal League, kemm għall-kategorija tal-irġiel kif ukoll dik tan-nisa, se jsiru nhar it-Tnejn 22 ta’ Settembru fil-lukanda AX The Palace. Il-klabbs se jkunu qed jiskopru l-partiti tal-ftuħ tagħhom flimkien mas-sekwenza tal-logħob għar-Round Ewlieni tal-kompetizzjoni.

Il-logħbiet kollha se jkunu mxandra fuq il-kanal uffiċjali ta’ YouTube, iżda l-organizzaturi qed iħeġġu lill-partitarji kollha jiġu jaraw il-logħob mill-qrib biex igawdu l-atmosfera unika u vibranti li toffri l-logħba tal-Futsal.