Futbol Sport

Il-wiċċ tal-Istadium Nazzjonali jinsab f’kundizzjoni “perfetta u lest għall-azzjoni”

Il-wiċċ tal-Istadium Nazzjonali f'Ta'Qali
Il-wiċċ tal-Istadium Nazzjonali f'Ta'Qali

Wara l-kritika kollha li saret sa ftit tal-jiem ilu, speċjalment wara li ntlagħbet match day 1 tal-Malta Premier, għall-istat tal-wiċċ tal-grawnd nazzjonali f’Ta’ Qali, il-kundizzjoni tal-pitch issa hi “perfetta u lest għall-azzjoni!.”

Dan kien konfermat permezz tal-paġna soċjali tal-Malta Premier, li llum ippubblikat l-aħħar ritratti tal-ħaxix aħdar tal-Istadium f’Ta’ Qali, wara li nhar it-Tlieta li għadda, f’dan l-istess stadium, intlagħbet il-partita ta’ ħbiberija bejn Malta u San Marino.

Ir-ritratti ppubblikati minn Malta Premier, l-organizzaturi tal-Kampjonat għan-nom tat-tnax-il klabb fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti, juru x-xogħol kbir li sar f’dawn l-aħħar jiem mill-ħaddiema tal-MFA responsabbli miż-żamma tal-wiċċ tal-pitch.

Wieħed mir-ritratti ppubblikati fuq il-paġna soċjali ta’ Facebook tal-MPL u li juri l-istat tajjeb li jinsab fih illum il-wiċċ tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali wara xogħol li sar mill-ħaddiema tal-MFA

“Il-grawnd tal-Istadium Nazzjonali reġa’ lura għall-aqwa tiegħu. Perfett u lest għall-azzjoni! Minkejja l-logħbiet kollha li ntlagħbu, xorta waħda tista’ tara fih is-sbuħija pura tal-futbol,” qalu l-Malta Premier, permezz ta’ post bir-ritratti fuq il-midja soċjali.

Bejn għada l-Ġimgħa u nhar is-Sibt li ġej, se tkun qed tintlagħab match day 3 tal-Malta Premier, u tnejn mis-sitt partiti skedati għal dawn il-jumejn se jkunu qed jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Dawn huma tnejn mill-erba’ partiti tas-Sibt, Ħamrun Spartans kontra Mosta u Żabbar St Patrick kontra Naxxar Lions.

Fl-istess post, il-Malta Premier faħħret u rringrazzjat lill-ħaddiema tal-MFA li fil-jiem li għaddew ħadu ħsieb biex il-wiċċ tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali jirritorna mill-ġdid għal dan l-istat “perfett.”