Illum huwa l-24 anniversarju mill-attakki tal-11 ta’ Settembru tal-2001 fuq it-Twin Towers u l-Pentagon fl-Istati Uniti.
Dakinhar, 19-il terrorist li kienu membri tal-grupp Al-Qaeda, ħatfu erba’ ajruplani kummerċjali; li tnejn minnhom qerdu l-World Trade Centre.
Kif semgħu b’dak illi kien seħħ, il-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ fuq ir-raba’ ajruplan kienu provaw jirribellaw kontra t-terroristi li ħatfu l-ajruplan. Bir-riżultat li spicca iġġarraf f’għalqa f’Pennsylvania.
Kważi 3,000 persuna nqatlu f’dan l-attakk attroċi li seħħ 24 sena ilu – l-agħar attakk barrani li qatt seħħ fuq l-art Amerikana.
Kulħadd jiftakar fejn kien dakinhar
Għalkemm għaddew 24 sena, din il-ġrajja għadha friska fil-memorja ta’ bosta.
Kienu 8:44am (ħin Amerikan) meta l-ewwel ajruplan daħal f’wieħed mit-torrijiet tal-World Trade Centre. Bit-tieni ajruplan jolqot it-tieni torri kwarta biss wara.
Minnufih ġie avżat il-President Amerikan George Bush, li kien qed jagħmel żjara fi skola – bir-reazzjoni tiegħu tibqa’ mniżżla fl-istorja.
In-networks tal-aħbarijiet bdew jirrappurtaw b’mod dirett dak kollu li kien għaddej. Minn fuq it-televiżjoni, kulħadd seta’ jara x-xena ta’ terrur li laqtet lil New York.
Apparti minn hekk, bdew deħlin rapporti ta’ persuni li kienu inqabdu fit-torrijiet u li ma kellhomx għażla oħra ħlief li jaqbżu għexieren ta’ sulari għal isfel biex jaħarbu mill-infern li naqbdu fih kaġun tal-fjammi.
It-tifrik li kien fadal fis-sit fejn xi darba kien hemm dawn iż-żewġ torrijiet – magħruf bħala Ground Zero – dam tmien xhur biex tnaddaf. U fis-snin ta’ wara, inħoloq mużew u monument bl-ismijiet tal-vittmi kollha, fejn eluf kbar kull sena jżuruh biex isellmu l-memorja ta’ dawk li nqatlu. B’uħud qatt ma ġew identifikati.
//= $special ?>