Lokali Qorti

Jammetti li seraq minn diversi supermarkets

Raġel ta’ 40 sena minn Raħal Ġdid u li għandu problema tad-droga ammetta li seraq diversi oġġetti minn bosta supermarkets li kollha jappartjenu lill-istess kumpanija. Clayton Cachia tressaq il-Qorti l-Ħamis mixli li bejn l-1 u l-10 ta’ Settembru seraq prodotti li jammontaw għal madwar €300, kif ukoll li huwa riċediv.

Huwa kien arrestat l-Erbgħa, wara li l-Pulizija ġiet infurmata b’arrest ċivili (citizens arrest). Il-validità ta’ dan l-arrest ma kinitx ikkontestata u l-akkużat wieġeb ħati mill-ewwel, konferma li reġa’ ta wara li ngħata ċans mill-Qorti jirrifletti fuq l-ammissjoni tiegħu.

Fil-Qorti ħarġu dettalji dwar kif Cachia qed jaffaċċja problema ta’ droga, u kien hemm qbil li jingħata piena ta’ priġunerija effettiva li matulha jkun jista’ jirċievi trattament. L-avukat ta’ għajnuna legali Axl Camilleri sostna li l-akkużat lest biex jegħleb il-problema tiegħu u fakkar li minkejja li għandu rekord kriminali mhux nadif, l-aħħar reat li wettaq imur lura għall-2012.

Il-kawża ġiet differita għall-25 ta’ Settembru.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur James Turner, filwaqt li l-avukat Axl Camilleri assista lill-akkużat.