Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ordnat lill-Istat biex jirreġistra fi skejjel lokali t-tfal ta’ mara Sirjana, wara li l-awtoritajiet edukattivi naqsu milli jagħmluhom parti mis-sistema edukattiva minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni.
Il-mara, li għandha protezzjoni internazzjonali mill-Greċja, waslet Malta fl-2021 b’żewġt itfal u wara welldet it-tielet. Żewġ uliedha – tifla ta’ sitt snin u tifel ta’ ħames snin – għandhom l-obbligu skont il-liġi Maltija li jattendu l-iskola iżda kienu ċaħduhom din id-dritt minħabba ostakli burokratiċi.
Il-mara ressqet rikors kostituzzjonali fejn sostniet li d-drittijiet tat-tfal tagħha kienu qed jinkisru, u talbet miżura interim sabiex jiġu rreġistrati fl-iskejjel qabel il-bidu tas-sena skolastika. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni oġġezzjona, billi sostna li l-kriterji għal tali miżura ma kienux intlaħqu u li ma kien hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet.
Imma l-Qorti, preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, osservat li kull min jinsab fit-territorju Malti huwa soġġett għal-liġi Maltija u li l-Artikolu 2 tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara b’mod ċar li ħadd m’għandu jiġi miċħud mid-dritt għall-edukazzjoni.
Filwaqt li rrikonoxxiet li l-Istat għandu diskrezzjoni dwar kif jistruttura s-sistema edukattiva tiegħu, il-Qorti insistiet li din id-diskrezzjoni ma tistax teskludi lil min jinsab fit-territorju u li kull limitazzjoni għandha tkun proporzjonata u ma toħnoqx is-sustanza tad-dritt innifsu.
Il-Qorti enfasizzat l-importanza tal-edukazzjoni mhux biss għall-iżvilupp individwali iżda wkoll għall-integrazzjoni u l-benessri psiko-soċjali, partikolarment f’każijiet ta’ tfal immigranti li jinsabu f’din is-sitwazzjoni mhux bil-għażla tagħhom.
Żiedet tgħid li l-edukazzjoni m’għandhiex tiġi marbuta man-nazzjonalità u li trattament differenti fuq din il-bażi x’aktarx iwassal għal ksur tad-dritt jekk ma jkunx hemm ġustifikazzjoni legali valida.
Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti rrikonoxxiet li għalkemm id-dritt għall-edukazzjoni ma jagħtix awtomatikament dritt ta’ residenza fil-pajjiż, it-tfal m’għandhomx jitħallew f’limbu u jiġu pprivati minn żvilupp xieraq minħabba deċiżjonijiet tal-ġenituri jew tal-awtoritajiet.
Għaldaqstant, ordnat li ż-żewġt itfal jiġu rreġistrati fl-iskejjel u jibdew jattendu qabel il-bidu tas-sena skolastika. Il-mara kienet assistita mill-avukati Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar mill-Public Interest Litigation Network bl-appoġġ tal-Aditus Foundation.
//= $special ?>