Lokali

Malta tilqa’ l-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem

Fit-11 ta’ Settembru 2025, id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati, David Agius ta merħba lid-delegati li qed jipparteċipaw fil-Laqgħa tal-Kumitat dwar l-Ugwaljanza u n-Non-Diskriminazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Dan l-avveniment ġab flimkien membri appuntati mid-delegazzjonijiet nazzjonali għall-Assemblea.

Fid-diskors tiegħu tal-ftuħ, id-Deputat Speaker David Agius fakkar lil dawk preżenti fir-responsabbiltà li għandhom biex jipproteġu l-prinċipji tal-ugwaljanza, id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem f’kull stat membru.

Agius elenka l-prijoritajiet ta’ Malta matul ir-raba’ Presidenza tagħha tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u stqarr: “Għalkemm dawn il-prijoritajiet ġew imressqa minn Malta, mhumiex tagħna biss, imma ta’ kull min jemmen f’Ewropa inklużiva u ugwali.”

Id-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat jistgħu jaffettwaw iċ-ċittadini fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, u d-Deputat Speaker fakkar lil dawk preżenti fir-responsabbiltà tagħhom: “Ix-xogħol li jsir hawnhekk imur lil hinn mill-politika; għandu l-potenzjal li jibni soċjetajiet fejn kull individwu jista’ jgħix b’dinjità, rispett, u opportunitajiet indaqs.”

Il-laqgħa tal-Kumitat kienet indirizzata wkoll minn Helena Dalli, eks Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Renee Laiviera, Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Samantha Pace Gasan, Kummissarju tal-Vjolenza Domestika u Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali Żgħażagħ ta’ Malta. Naomi Cachia u Ramona Attard ukoll ħadu sehem fil-laqgħa.