Lokali Qorti

Miċħud appell tal-AĠ biex katekist mixli li kkorrompa minuri jerġa’ jiġi arrestat

Il-Qorti ċaħdet appell tal-Avukat Ġenerali biex tirrevoka l-ħelsien mill-arrest mogħti lil William Mark Camilleri, katekist ta’ 56 sena mixli li f’Lulju għamel użu minn minorenni subien li ħajjarhom biex jibgħatulu ritratti espliċiti.

Camilleri, li jaħdem ukoll bħala tekniku f’laboratorju, jinsab akkużat b’serq ta’ tfal, pussess u aċċess ta’ materjal indeċenti li juri persuni taħt l-età, kif ukoll fastidju ta’ minorenni, iżda wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

L-appell tal-Avukat Ġenerali kien ibbażat fuq il-gravità tal-akkużi, il-ħtieġa li tiġi protetta s-soċjetà u l-biża’ ta’ tfixkil fil-provi, fosthom peress li għad hemm numru ta’ vittmi potenzjali li għadhom mhux identifikati u r-riskju li l-akkużat jipprova jersaq lejhom.

Min-naħa tiegħu, l-avukat tad-difiża Nicholas Mifsud sostna li Camilleri wera li jista’ jkun fdat minn meta ngħata l-ħelsien mill-arrest u li ż-żewġ vittmi msemmija fil-kapi ta’ akkuża diġà xehdu u għandhom ordni ta’ protezzjoni favurhom.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet l-appell u kkonfermat il-ħelsien mill-arrest, iżda żiedet il-garanzija personali għal €30,000.

L-appell kien ippreżentat mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Cynthia Tomasuolo u Kristina Bartolo, filwaqt li l-avukat Nicholas Mifsud qed jidher għal Camilleri.