Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech fuq il-validità tal-istqarrijiet li ta lill-Pulizija għax kien taħt l-effett tad-droga

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet rikors ta’ Yorgen Fenech li sostna li l-istqarrijiet li ta lill-Pulizija kienu invalidi għax ingħataw fi stat ta’ tossikodipendenza. Fenech, akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien allega li l-użu ta’ dawn l-istqarrijiet jikser id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq.

L-Imħallef Mark Simiana iżda nnota li l-istess argument li diġà tqajjem fil-proċess kriminali u ġie miċħud mill-Qorti Kriminali u mill-Qorti tal-Appell. Huwa qal li l-istqarrijiet huma biss parti mill-provi li ser jiġu evalwati mill-ġurati u li l-proċeduri kostituzzjonali ma jistgħux jintużaw bħala appell minn deċiżjonijiet tal-qrati kriminali. Il-Qorti għalhekk irrifiutat it-talbiet tiegħu u imponiet l-ispejjeż kontrih.

Dan ir-rikors konstituzzjonali tressaq minn Yorgen Fenech kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat quddiem l-Imħallef Mark Simiana fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha.

Fenech, li kien arrestat fl-20 ta’ Novembru 2019 b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, allega li l-istqarrijiet li hu ta lill-Pulizija waqt l-interrogazzjonijiet kienu invalidi għaliex ingħataw fi stat ta’ tossikodipendenza fuq il-kokaina.

Huwa sostna li, minħabba l-vulnerabbiltà tiegħu bħala persuna taħt l-influwenza tad-droga u li għal żmien twil kien ukoll f’“solitary confinement” f’Kordin, l-istqarrijiet tiegħu ma setgħux jitqiesu bħala volontarji, u li l-użu tagħhom fil-proċess kriminali jikkostitwixxi ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea u l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni.

Fil-proċess kriminali kontra tiegħu, Fenech kien diġà ressaq eċċezzjoni (il-ħdax-il eċċezzjoni) sabiex l-istqarrijiet jiġu meqjusa inammissibbli minħabba d-dipendenza tad-droga. Din l-eċċezzjoni kienet ġiet miċħuda mill-Qorti Kriminali fis-9 ta’ Diċembru 2022, u s-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali fl-4 ta’ Ottubru 2023.

Filwaqt li l-Qorti Kriminali ordnat l-esklużjoni ta’ ċerti dokumenti relatati, qalet li l-istqarrijiet ta’ Fenech kienu saru b’assistenza legali, wara li ngħata d-drittijiet kollha skont il-liġi, u ma kienx hemm provi li l-istat fiżiku jew mentali tiegħu kien kompromess.

F’dan ir-rikors kostituzzjonali, Fenech sostna li l-Pulizija kellha tagħti każ tal-fatt li kien taħt l-influwenza tad-droga, li tobbliga prekawzjonijiet meta persuni vulnerabbli jiġu interrogati. Huwa appella wkoll għal ġurisprudenza Ewropea bħall-każ Plonka vs Poland, li tirrikonoxxi l-vulnerabbiltà ta’ persuni taħt l-influwenza ta’ sustanzi.

Il-Qorti, iżda, irrimarkat li l-ilment ta’ Fenech hu essenzjalment identiku għall-ħdax-il eċċezzjoni li kien diġà tqajjem u ġie miċħud fil-proċess kriminali. Dan ifisser li, fil-prattika, ir-rikors ma kien xejn għajr tentattiv ta’ appell ulterjuri minn dak il-proċess.

L-Imħallef Simiana osserva li l-istqarrijiet ta’ Fenech kienu biss element wieħed ta’ prova li se jkollu jiġi kkunsidrat mill-ġurati flimkien ma’ provi oħrajn, u li l-valutazzjoni dwar jekk kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ xieraq għandha ssir fil-kuntest tal-proċeduri kollha u mhux biss fuq episodju wieħed.

Il-Qorti għalhekk qieset li ma kienx hemm episodju eċċezzjonali li jikkwalifika għall-eżami immedjat taħt il-lenti kostituzzjonali, u li tali eżami f’dan l-istadju kien ikun wieħed fl-astratt. B’hekk, laqgħet l-ewwel tliet eċċezzjonijiet tal-intimati (il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat) u rrimarkat li l-proċeduri kostituzzjonali ma għandhomx jintużaw bħala mezz ta’ appell minn deċiżjonijiet tal-qrati kriminali dwar l-ammissibilità tal-provi.

Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li ma tikkunsidrax aktar it-talbiet ta’ Fenech.