Il-klabb ta’ Naxxar Lions ħareġ jesprimi d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni fejn jidħol rigward ta’ skedar ta’ partiti li fihom se jkunu qed jilgħabu l-klabbs ta’ Naxxar Lions.
Permezz ta’ stqarrija fuq il-midja soċjali, Naxxar Lions qalu li t-tim tal-kbar li qed jilgħab fil-Malta Premier se jkun qed jilgħab kontra Tarxien Rainbows, nhar it-Tlieta, 16 ta’ Settembru fid-9pm, f’Tony Bezzina Stadium. Din se tkun partita valida minn match day 4 tal-Kampjonat. L-għada, l-Erbgħa, 17 ta’ Settembru, fl-4pm, għall-ewwel darba fl-istorja t-tim tal-Youths ta’ Naxxar Lions se jkun qed jilgħab f’Għawdex, l-ewwel leg tal-UEFA Youth Champions League.
L-istqarrija ta’ Naxxar Lions tgħid li “f’okkażjonijiet preċedenti, saru aġġustamenti biex jiġi żgurat li l-plejers u l-istaff tekniku jkunu jistgħu jiddedikaw l-attenzjoni u r-riżorsi kollha tagħhom għaż-żewġ logħbiet. Sfortunatament, din id-darba dan ma kienx il-każ, u dan ħalla lill-klabb f’sitwazzjoni ta’ sfida li setgħet tiġi evitata permezz ta’ koordinazzjoni aħjar.”
Hu mifhum li din kienet deċiżjoni li finalment ttieħdet bejn il-klabbs tal-MPL, tant li l-istqarrija ta’ Naxxar Lions temmew l-istqarrija billi qalu li “fil-passat, Naxxar Lions dejjem urew kooperazzjoni sħiħa ma’ timijiet oħra li jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej, u stennejna li l-istess spirtu ta’ appoġġ u solidarjetà jiġi estiż lilna.”
//= $special ?>