Lokali

Notte Bianca tirritorna s-Sibt 4 ta’ Ottubru bi programm li se jinvolvi 350 artist lokali u internazzjonali

Ġie mniedi l-programm għall-edizzjoni li jmiss ta’ Notte Bianca, li se ssir is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025.

Il-programm ġie mniedi f’sala fil-Kunvent tal-Klawsura fil-Belt Valletta, fejn għall-ewwel darba se jsir proġett fil-Knisja ta’ Sant Ursula bħala parti mill-programm ta’ Notte Bianca.

Din is-sena Notte Bianca se tinkludi kollaborazzjoni kollettiva ta’ madwar 350 artist lokali u internazzjonali. Dawn se joffru spettaklu uniku permezz ta’ aktar minn 70 proġett mifruxa mal-Belt Valletta kollha, bil-għan li joffru esperjenza kulturali li tgħaqqad lill-familji.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra spjega kif Notte Bianca hija waħda mill-akbar avvenimenti li torganizza Festivals Malta, fejn il-ħaddiema tal-Aġenzija jikkordinaw għadd ta’ proġetti li jsiru kollha f’lejla waħda.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal li bħal kull sena, Festivals Malta qed tagħti prijorità lill-artist Malti, bil-maġġoranza tal-proġetti fil-programm ta’ din is-sena maħduma minn artisti lokali. “Notte Bianca toffri opportunità unika lill-artisti tagħna biex jesebixxu x-xogħol artistiku tagħhom f’waħda mill-akbar attivitajiet f’pajjiżna.

Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca Antoine Farrugia spjega li Notte Bianca se tkun qed toffri diversi proġetti adattati għal familja kollha, bi prestazzjonijiet apposta għat-tfal u oħrajn għal kbar biss, bi programm imżewwaq li jinkludu diversi aspetti artistiċi.