minn Angelo Micallef
L-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa dejjem mument storiku. Huwa dejjem mument li fih inkunu qegħdin naraw l-istorja ta’ pajjiżna tinkiteb. Huwa mument storiku, l-ewwel u qabel kollox għaliex huwa mument li fih inkunu qegħdin naraw it-triq ‘il quddiem tal-Partit Nazzjonalista waqt li qed ifassluha l-membri tal-istess Partit Nazzjonalista. Huwa mument storiku wkoll għaliex il-Partit Nazzjonalista dejjem kien u jibqa’ konvint li se jibqa’ attur ewlieni fl-istorja ta’ pajjiżna u fil-kisba tal-aktar mumenti importanti ta’ pajjiżna.
L-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li għadda, għalhekk, kienet tassew paġna oħra storika fl-istorja ta’ pajjiżna u tal-Partit Nazzjonalista. Aħna t-tesserati kellna f’idejna d-destin ta’ dan il-partit u għalhekk ukoll id-destin ta’ pajjiżna.
Kapitlu gdid fl-istorja tal-PN
L-elezzjoni ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, sadanittant, qed tibda kapitlu ġdid fl-istorja ta’ l-istess Partit Nazzjonalista. Fuq nota storika u f’termini ta’ statistika għandna l-iżgħar Kap ta’ partit politiku prinċipali li qatt kellu pajjiżna u l-ewwel Għawdxi li qiegħed imexxi partit politiku prinċipali sa mill-indipendenza ‘l hawn.
Il-fatt li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista huwa żagħżugħ jirifletti b’mod ċar ix-xewqa tat-tesserati li l-Partit Nazzjonalista jagħmel qabża ġenerazzjonali… partit li jimmodernizza lilu nnifsu u jilbes libsa aktar żagħżugħa filwaqt li, fl-istess ħin, jibqa’ leali’ lejn il-valuri tiegħu li dejjem sawruh.
It-tesserati wrew ix-xewqa ta’ stil politiku inklussiv li jkun attraenti waqt li, fl-istess ħin, jappella għaż-żgħażagħ. Stil politiku li jagħti enerġija ġdida lill-partitarji u lil dawk kollha ta’ rieda tajba.
Naturalment, it-tesserati bagħtu wkoll messaġġ li jridu jaraw partit magħqud li l-membri u l-esponenti tiegħu jaħdmu lkoll flimkien. Dan joħroġ b’mod ċar mill-vot qawwi ta’ fiduċja li rċieva l-kandidat l-ieħor fl-elezzjoni għal Kap, Adrian Delia.
It-tesserati ma jridux partit mifrud imma partit magħqud. Partit fejn ilkoll naħdmu flimkien, għal għan wieħed; fejn ilkoll niġbdu ħabel wieħed għall-imħabba tal-pajjiż u għall-imħabba tal-partit.
Mill-ġdid ma għandi ebda dubju li hekk se jiġri. Il-laqgħa ta’ din il-ġimgħa bejn Alex Borg u Adrian Delia (l-ewwel laqgħa formali ta’ Alex Borg ġewwa l-uffiċċju tiegħu bħala Kap), hija bla dubju ta’ xejn preludju ta’ żminijiet eċċitanti u sbieħ għall-Partit Nazzjonalista.
Naturalment, din l-enerġija pożittiva kollha u l-arja ta’ għaqda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jikkawżaw tħassib serju fil-Partit Laburista. Biżżejjed wieħed isegwi l-midja Laburista u jara l-attakki isteriċi u banali tal-Partit Laburista biex jifhem sewwa sew kemm dan il-partit jinsab mifni bl-inkwiet. Naturalment, dan jaf iwassal sabiex pajjiżna jispiċċa ffaċċjat b’elezzjoni bikrija, kif, wara kollox, qatt ma’ eskluda l-Prim Ministru Laburista Robert Abela. Għaldaqstant, hu wkoll vitali li nkunu lesti u li nmiddu għonqna għax-xogħol illum qabel għada.
Ma għandi l-ebda dubju li hekk se jkun qiegħed jagħmel il-Kap, Alex Borg, bl-enerġija tipika tiegħu. Ma għandi l-ebda dubju wkoll li hekk se jkun qiegħed jagħmel Adrian Delia bil-lealta’ tipika tiegħu. U fl-istess ħin, ma għandi l-ebda dubju li hekk se jkunu qed jagħmlu l-membri tal-grupp parlamentari, il-kandidati, il-membri tal-fergħat u l-membri kollha tal-kumitati sezzjonali.
Pajjiżna għandu bżonn bidla
Pajjiżna għandu bżonn il-bidla. Pajjiżna għandu bżonn Gvern ġdid u tama politika ġdida.
Pajjiżna anki għandu bżonn stil ġdid ta’ kif issir il-politika. Politika fejn l-interess taċ-ċittadin jibqa’ fil-qalba tad-deċiżjonijiet. Politika fejn il-Gvern jaħdem għall-ġid komuni u mhux għall-ġid ta’ klikka żgħira tal-qalba. Politika ta’ tama minflok politika ta’ qtigħ il-qalb. Politika fejn tassew — u mhux bil-kliem biss – ma jeżistix aħmar u blu, iżda rieda ġenwina fejn nimxu lkoll flimkien bħala poplu wieħed.
Neħtieġu, fuq kollox, politika li tagħti ġieħ lill-potenzjal ta’ dan il-pajjiż. Politika li tgħin biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem minflok tgħin biss l-erba’ tal-klikka jistgħanew.
Din hija l-politika li se jkun qiegħed imexxi l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg. Din hija l-politika li għandu bżonn pajjiżna. Politika li biha nistgħu tassew noffru lil dan il-partit bħala Gvern alternattiv.
Tassew ninsabu f’sitwazzjoni fejn għandna ngħidu lilna nfusna li ‘Dan hu l-Mument li Nirbħu’.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 11 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>