Opinjoni

OPINJONI: Id-dinja nbidlet?

Mument storiku fil-jiem li għaddew meta Vladimir Putin (1952), Xi Jinping (1953) u Narendra Modi (1950) dehru flimkien... dan huwa sinjal qawwi

Carm Mifsud Bonnici
Ix-Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Wara ċ-ċelebrazzjonijiet li saru fiċ-Ċina fit-2 ta’ Settembru biex ifakkru t-tmenin sena minn meta l-Ġappun ċeda u ffirma d-dikjarazzjoni ta’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, wieħed jifhem iktar li hemm tibdil.
Hemm il-messaġġ ċar ħafna li l-bilanċi ġeopolitiċi li drajna, issa qed jieħdu triq oħra. L-iżviluppi li rajna tul dawn is-snin biddlu ħafna. L-iktar dawk li huma mwielda madwar il-gwerra li għaddejja ġewwa l-Ukrajna.
Fir-realtà hija l-konsegwenza tal-kawża li twieldet mill-fatt li meta, b’xi mod, tattakka lil diversi, dawn jispiċċaw jingħaqdu kontra tiegħek. Anki jekk ma jkollhomx għalfejn, b’ħidmietek timbuttahom f’ħoġor xulxin.

Sakemm
Sakemm kien hemm l-għajnuna finanzjarja u militari lil dan il-pajjiż attakkat mill-Federazzjoni Russa kien hemm ekwilibriju li ma bidilx ix-xenarju.
Biss, il-kwistjonijiet marbuta u mibnija madwar il-loġika jew le tat-tariffi imposti unilateralment oriġinarjament mill-Istati Uniti tal-Amerika ġiebu dan. Waqt li qabel konna nemmnu fil-globalizzazzjoni tal-kummerċ, fis-suq liberu u fl-iskambju ta’ merkanzija mingħajr tariffi, issa le.
Jekk l-Oċċident estiż kien iċ-ċentru li minnu li wieħed jibda u jkompli fl-analiżi u fl-eżempju, issa m’għadux daqshekk. B’dak li rajna u smajna f’Beijing, mill-passi, mill-iffirmar tat-trattati, u fuq kollox mid-diskors preċiż u dirett ta’ Xi Jinping, ma tħalla l-ebda dubju fejn, jew lejn fejn iridu jimxu diversi stati.

Tliet mexxejja
F’dawn il-gżejjer insibu ruħna maqtugħin minn ċerti aħbarijiet. Imma l-fatt li Vladimir Putin (1952), Xi Jinping (1953) u Narendra Modi (1950) dehru f’daqqa huwa sinjal qawwi.
Tliet mexxejja li għadhom kemm qabżu s-sebgħin sena, mimlija b’esperjenzi politiċi varji u fl-aħjar tagħhom. Il-Federazzjoni Russa, iċ-Ċina u l-Indja f’daqqa titlob analiżi u attenzjoni. Iktar il-fatt li ġew iffirmati għoxrin ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa.
Pożizzjonijiet li jkun żball jekk jiġu injorati mill-Oċċident. Jista’ jkun li, kif ġiet definita, din hija “a global initiative to reshape the world order” (inizjattiva globali biex tagħġen mill-ġdid l-ordni mondjali). Imma wieħed ikun għaqli li jsegwi x’intqal fid-diskors attent, preċiż u kawt tal-President Xi Jinping.
Hemm tifhem li l-pożizzjoni mhix ta’ alleanzi militari strateġiċi, imma forsi aktar tweġibiet għar-realtajiet tal-ġurnata.

X’ingħad
F’dan, diversi mumenti ingħad li dan seħħ minħabba ’l hekk imsejjaħ “bullying behaviour” tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump (1946), u hemm ħafna ‘forom ta’ twissijiet’ f’dan. Iktar u iktar meta huwa ħafna evidenti li ċ-Ċina hija fattur determinanti fl-istabbilità mondjali.
Jekk ħaddieħor qiegħed joħroġ mil-linji tal-politika barranija tiegħu, dawn mhumiex. Fil-parti ċentrali tad-diskors tiegħu, Xi Jinping iddikjara hekk: “We must uphold the international system with the United Nations at its core and support the multilateral trading system with the World Trade Organization at its core.” (Għandna nżommu s-sistema internazzjonali fi ħdan il-Ġnus Magħquda fl-essenzjal tagħha u nappoġġjaw is-sistema tan-negozju multilaterali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-essenzjal.) Messaġġ ċar sija lill-Federazzjoni Russa, kif ukoll lill-Istati Uniti tal-Amerika.

Ottimiżmu
Meta titkellem ma’ numru ta’ persuni nvoluti fil-politika Ewropea timmarka spirtu ta’ ottimiżmu. Fis-sens li Vladimir Putin ma rnexxilux jieħu dak li ried mill-Ukrajna, kif ukoll li jista’ jkun hemm bidliet jew lejn forma ta’ trattat ta’ paċi, inkella ta’ ċessjoni tal-ġlied.
Imma l-fatt jibqa’ li l-Unjoni Ewropea, bl-inizjattivi varji tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll għall-fatt li ma hemmx il-qbil ta’ kulħadd fuq numru ta’ punti, għadha ma rnexxilhiex issolvi s-sitwazzjoni. F’dan, l-aġendi politiċi huma varji ħafna.
Barra minn hekk, rajna wkoll wisq bidliet li ma wasslu għal imkien. Huwa evidenti li hemm kumplikazzjonijiet li ma jistgħux jiġu ssuperati u li jridu ħafna snin biex isibu ruħhom lura f’posthom.

Tmiem żmien partikolari
Hemm xi wħud li jaħsbu, bħall-istoriku u antropologu Franċiż Emmanuel Todd (1951), li jaħsibha bħalhom u li kiteb hekk fil-ktieb tiegħu La defaite de l’occident (2024), li din il-gwerra qed isservi biex tindika t-tmiem tal-Ewropa demokratika u t-tisħiħ tal-Federazzjoni Russa. Anke jekk l-analiżi tiegħu titlob attenzjoni, xorta m’hemmx sitwazzjoni fejn parti rebħet, jew qegħda tirbaħ, u l-parti l-oħra li qed titlef.
Hemm iktar għarfien li d-dinja tal-lum trid timxi f’direzzjonijiet oħra. Jekk kien hemm min ħaseb li r-Russja ser tikkrolla, iċ-Ċina u l-Indja qegħdin, fir-realtà, isostnuha finanzjarjament.
Imma iktar minn hekk, fiċ-ċirkostanzi preżenti qed jibnu dak li qabel ma setgħux. Is-swieq rispettivi ser jikbru u jimxu fl-istess avvanz u pożizzjonijiet li l-Unjoni Ewropea, bis-suq komuni tagħha, irnexxielha.

Protezzjoni
Fil-fatt, wieħed jista’ jisma’ mezzi ta’ komunikazzjoni Amerikani jew Ewropej li jpinġu dan bħala theddida qawwija jew oltraġġ, imma jista’ aktar ikun wieħed ta’ protezzjoni. Jekk l-Istati Uniti ser jibqgħu bil-politika taż-żidiet sproporzjonati u illoġiċi, u kontra dak miftiehem fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-tariffi, din hija miżura ċara fejn ħadd minnhom mhuwa ser jiġi għarkupptejh.
Kien ikun aħjar li kieku kellu jiżdied il-kummerċ b’mod leġittimu, milli tmur f’din id-direzzjoni. Kull mexxej għandu l-karattru tiegħu, imma kull wieħed għandu r-responsabbiltà li jħares l-interessi taċ-ċittadini tiegħu. F’dan huwa evidenti li sakemm il-politika Amerikana ma tinbidilx, jew għax jibdel fehmtu Donald Trump, inkella għax jispiċċa, ser nibqgħu naraw iktar passi f’dik id-direzzjoni. Is-swieq li ser jinfetħu u l-proċeduri stabbiliti jafu jneħħu kull vantaġġ ekonomiku li l-Oċċident għandu llum.
Proprju f’dan, għad-domanda inizjali: “Id-dinja nbidlet?”, kollox ser ikun jiddependi fuq x’passi għaqlin l-Oċċident ser jagħraf jieħu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 7 ta’ Settembru, 2025.