Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista
Nixtieq li xi ħadd jispjegali kif meta fl-ewwel sitt xhur tas-sena n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna żdiedu bi 13.5 fil-mija, il-popolazzjoni kompliet tikber, iżda minkejja dawn iż-żewġ fatturi d-dħul mill-VAT naqas bi €18.2 miljun!
Kif jista’ jkun li meta kollox qed jogħla minn barra, u nafu li dak li nimpurtaw u jinbiegħ titħallas fuqu l-VAT, u darba l-prodott jogħla allura d-dħul mill-VAT jiżdied, kif jista’ jkun li d-dħul minn din it-taxxa naqas. Xi ħaġa ħażina hemm bilfors!
Iċ-ċifri li joħorġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika huma hemm biex nistħarrġuhom, ninterpretawhom u fejn ma naqblux nistaqsu għaliex. M’għandniex inkunu bħal pappagalli nirrepetu dak li naraw u nqisuh bħala vanġelu!
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm riżultati mill-finanzi tal-Gvern li għandhom jitqiesu bħala negattivi. B’popolazzjoni tikber u bis-settur turistiku jikber suppost id-dħul jiżdied bl-istess ritmu. Mhux hekk qed jiġri!
■ Id-dħul mill-income tax żdied b’miżerja ta’ €27 miljun. Fl-istess perijodu s-sena l-oħra żdied bi €346 miljun. Bi 13-il darba iktar!
■ Id-dħul mill-VAT naqas bi €18 miljun meta fl-istess perijodu s-sena l-oħra żdied b’€102 miljun!
■ Il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali
L-uniku dħul li wera żieda sostanzjali kien dak tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. Dawn żdiedu b’€81 miljun. Issa dan flimkien mal-infiq tal-Gvern f’pagi u salarji jagħtu indikazzjoni li l-ħaddiema żdiedu. In-nefqa tal-Gvern f’pagi żdiedet b’€!04 miljun – minn €600 miljun għal €704 miljun.
Iktar minn 17 fil-mija iktar filwaqt li d-dħul mill-kontruibuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali żdied bi 12 fil-mija. Iċ-ċifra tal-pagi u s-salarji fis-Settur Pubbliku fiha storja waħedha. Storja li turi kif il-Gvern qed jimpjega kemm jiflaħ nies li qed jieħu mis-settur privat.
Ċirku vizzjuż
Dan qed joħloq ċirku vizzjuż ieħor din id-darba għall-fatt li kull ħaddiem li l-Gvern jieħu mis-settur privat, irid jimtela’ minn ħaddiem barrani.
Barra dawn iċ-ċifri kollha joħorġu tnejn importanti ħafna: id-defiċit tal-Gvern li fl-ewwel sitt xhur tas-sena laħaq €457 miljun, jew skont l-istatistika tal-NSO 409 fil-mija iktar mill-istess perjodu tal-2024 u d-dejn tal-Gvern Ċentrali li żdied b’€1,012 miljun.
Dejn li miegħu rridu ngħaqqdu n-nefqa fuq interessi li jridu jitħallsu. Din żdiedet bi €17 il-miljun – minn €127 miljun għal €144 miljun – jew bi 13.4 fil-mija. Sadattant din is-sena l-Gvern diġà ġabar mad-€900 miljun minn self.
Sadattant ukoll id-dejn barrani, li sa ħames snin ilu kien taħt il-miljun ewro llum aħaq €570 miljun, bi €78 miljun minnhom huma dejn li sar fl-aħħar sena.
Quddiem ċifri bħal dawn il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana x’ma jidhirx irrabjat u jhedded li ser jinżel fuq dawk li huma lura fit-taxxa daqslikieku tunellata bricks (like a ton of bricks!).
Il-qagħda finanzjarja tal-Gvern mhi xejn feliċi. Jagħtuna l-impressjoni li hi iżda meta tibda tanalizza ċ-ċifri, meta tibda tara kif loġikament ċertu dħul kellu jiżdied iżda fil-fatt naqas ikollok tistaqsi: X’qed jiġri mill-finanzi tal-Gvern!
Inqas dħul, iktar infiq bl-addoċċ, inqas infiq fuq proġetti li pajjiżna verament jeħtieġ. Dan rajnieh f’dawn il-jiem meta l-Gvern iddeċieda li jikkanċella sejħa għal offerti għal bini ta’ estensjoni għad-dipartiment tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei għaliex skont hu mhix ekonomikament vijabbli.
Proġett li neħtieġu bħall-ħobż. Hekk min jidħol fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei ser ikompli jibqa’ jistenna sigħat twal: tnax il-siegħa u iktar biex jinqeda.
Iżda filwaqt li l-poplu jbati, hemm min jitħanżer minn fuq flus li l-Gvern jonfoq u mhux jaqla’.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 7 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>