Mark A. Sammut Sassi
Issa li għaddiet l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista – u nifirħu lil Dr Alex Borg filwaqt li nroddu ħajr lil Dr Adrian Delia – il-pass li jmiss hu li ndawru ħarsitna lejn l-Elezzjoni Ġenerali. Min jinsa li dan hu l-iskop ewlieni jkun qed jagħmel dnub mejjet politiku li ma jinħafirx.
It-triq lejn l-Elezzjoni Ġenerali hi għat-telgħa. Favur tiegħu l-Gvern tal-Labour għandu l-hekk-imsejjaħ power of incumbency, il-poter li jiġi mill-fatt li tokkupa kariga. Jekk ma tkunx integru, dak il-poter tista’ tabbuża minnu u flok tagħti l-jeddijiet, tagħmel il-pjaċiri. Issa, min hu lest jagħmel imħatra li mhux se jkun hemm min jabbuża minnu dak il-poter?
Kif għedna: għat-telgħa. Imma ma jfissirx li għax għat-telgħa, allura impossibbli. Anzi, jien konvint li hemm possibbiltà tajba, u tajba ħafna, għal suċċess. Dejjem jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jaqdef b’kemm jiflaħ.
L-isfidi: il-popolazzjoni
Il-pajjiż qed jiffaċċja sfidi ċari ħafna. Il-problema tal-popolazzjoni qed tikber bil-barranin filwaqt li qed tiċkien f’dak li hu għadd ta’ Maltin. L-Arċisqof għadu kif qal li jekk nibqgħu sejrin kif aħna, jaf jgħib il-ġens Malti. Naħseb kull min rasu fuq għonqu jirrealizza li Monsinjur Scicluna għandu raġun.
Il-problema hi li jekk il-Maltin jibqgħu sejrin kif inhuma u jildu ftit filwaqt li l-pajjiż jissokta bl-importazzjoni tal-barranin, il-kompożizzjoni tal-popolazzjoni se tinbidel u jseħħu bidliet kulturali kbar. Xi ħadd ieħor fil-Knisja Kattolika esprima tħassib dwar dan – il-Kardinal Sarah. Dan il-Kardinal mhux biss hu fost l-aktar membri ammirevoli tal-Knisja, imma wkoll ġej mill-Punent tal-Afrika. Il-Kardinal Sarah jemmen li l-immigrazzjoni bla rażan se tkisser il-patrimonju tal-Ewropa.
“Il-migranti li jiġu fl-Ewropa la jkollhom flus, la xogħol, u lanqas dinjità,” jgħid il-Kardinal. “Il-Knisja ma tistax tikkopera ma’ dil-għamla ġdida ta’ jasar.” Il-Kardinal jissokta hekk: “Lil daż-żgħażagħ jgħidulhom li l-Ewropa hi xi Eldorado, jgħidulhom li se jsibu kulma jkollhom bżonn mentri dan mhux minnu.”
Dan kollu ma jfissirx illi l-migrazzjoni ma tistax tkun ta’ benefiċċju. Imma l-punt tal-Kardinal Sarah hu li dak li għaddejja minnu l-Ewropa la hu ordinarju u lanqas ma hu għaqli. “Jekk il-pajjiżi tal-Punent se jissoktaw għaddejjin b’dal-mod,” jemmen Sarah, “se jkun hemm ir-riskju li, minħabba fit-tnaqqis fir-rata ta’ twelid, l-Ewropa se tgħib, invaża mill-barranin.”
Malta – bħall-bqija tal-Ewropa – trid issib soluzzjoni. Aktar ulied mill-Maltin u anqas importazzjoni ta’ barranin.
Imma dis-soluzzjoni mhix faċli. Kif jista’ jkollok familja akbar meta l-proprjetà tiswa flus kbar, ferm aktar milli jifilħu l-pagi normali? Fejn se traqqadhom it-tfal? Saħansitra l-karozzi huma problema, għax maħsubin għal familji ta’ żewġ ulied.
Hemm bżonn ħafna ħsieb. U mħuħ tajbin biex jaħsbuh dal-ħsieb.
L-isfidi: it-turiżmu esaġerat
It-turiżmu jġib il-flus. It-turiżmu esaġerat iġib il-miżerja. Mhux f’dak li huma flus, imma fil-kwalità tal-ħajja. Anki għal dil-problema rridu nsibu soluzzjoni. Il-Labour soluzzjonijiet m’għandux.
Issa s-sitwazzjoni aggravat ruħha, għax minħabba fid-domanda esaġerata għolew il-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru. Jiġifieri issa minħabba fit-turiżmu esaġerat sar ta’ piż akbar għall-familji Maltin li jsiefru.
Problemi ġo problemi.
L-isfidi: l-ambjent
Minħabba fit-tkabbir tal-popolazzjoni, fil-għadd enormi ta’ turisti, u fil-kultura pjuttost primittiva tagħna li nieħdu ħsieb mill-għatba ’l ġewwa, pajjiżna sar pajjiż żdingat u maħmuġ. Apparti li kullimkien għaddej it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tal-binjiet, bit-trabijiet fini, storbju, ħmieġ, u skariġġi oħrajn.
Mhux biss qed nitilfu l-ġmiel tal-ambjent naturali, imma qed nispiċċaw ngħixu fi kruhat urbani b’nuqqas straordinarju ta’ siġar u ħdura. Dan kollu għandu impatt qawwi fuq il-moħħ tal-bniedem, b’konsegwenzi psikoloġiċi koroh li jwasslu għal aktar aggressività, nervi, nuqqas ta’ paċenzja, u agħar.
L-ambjent naturali u urban huma marbutin b’mod intimu mal-benessri psikoloġiku. Naqqas tal-ewwel u żżid ir-riskji li titlef tat-tieni. Din problema oħra serja li qed iħabbat wiċċu magħha l-pajjiż, u teħtieġ soluzzjoni.
L-isfidi: l-edukazzjoni
Taħt il-Labour, l-edukazzjoni saret bla viżjoni. Mhux biss tneħħew il-fondi biex l-Università jkollha l-għadd ta’ għalliema li teħtieġ, imma wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-istrateġija qed isaltan il-kaos. Aħna pajjiż ċkejken. U, b’mod stupidu għall-aħħar, qed intellgħu lill-ġenerazzjonijiet ġodda mingħajr il-ħila li jitħaddtu l-ilsna tal-pajjiżi ġirien tagħna. Jien tal-fehma li l-Maltin għandhom kollha jitgħallmu t-Taljan u – forsi xi wħud se jgħidu li din ereżija, imma jien jidhirli li hu loġiku – l-Għarbi, tal-anqas id-djaletti tat-Tuneżija u l-Libja.
Barra minn hekk, fl-edukazzjoni hemm bżonn aktar dixxiplina biex l-aljievi u l-istudenti jitrawmu ħalli jsiru – kollha kemm huma – ċittadini tajbin. Fil-kurrikulu għandu jkun hemm enfasi kbira fuq id-dixxiplina, fuq ir-rispett lejn ir-regoli, fuq il-kuxjenzjożità. Kif jiġri fl-iskejjel tal-Ewropa ċivilizzata. Jekk lit-tfal ħadd ma jgħallimhom dal-valuri, se nibqgħu pajjiż medjokri, primittiv, li ma jaħdimx b’effiċjenza, f’dinja fejn l-effiċjenza hi l-muftieħ mhux tal-ġid ekonomiku imma tal-ġid psikoloġiku. L-effiċjenza u d-dixxiplina jevitaw il-frustazzjoni – kemm nifilħu nibqgħu ngħixu f’pajjiż fejn xejn ma jaħdem sew?
Aktar sfidi
L-ispazju ma jippermettix li llum insemmu aktar sfidi. Imma kulħadd jaf li l-lista tal-isfidi hi twila, ferm itwal minn dak li għedna hawn.
Jien, bħal ħafna oħrajn, qed nistenna bi ħrara lill-Partit Nazzjonalista joħroġ b’viżjoni aktar f’saħħitha u ċara milli kienet sal-lum dwar is-soluzzjonijiet li qed joffri għall-problemi ta’ pajjiżna. Dan hu bżonn nazzjonali kbir. Inkella l-ħajja fuq dal-gżejjer se ssir (aktar) intollerabbli.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 11 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>