Il-Mexxejja tal-Ewropa mhumiex jemmnu li l-infiltrazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-Polonja mid-drones tar-Russja setgħet saret b’miskalkulazzjoni u mhux bħala parti minn ‘strateġija speċifika’.
Il-preżenza għall-għarrieda tad-drones fuq it-territorji tal-Polonja sadanittant qed tqajjem tħassib kbir dwar il-ġejjieni, bl-inċident ta’ nofs il-ġimgħa qed iġiegħel lill-pajjiżi tan-NATO jevalwaw mill-ġdid ‘ir-realtà tat-theddida’ mir-Russja ta’ Vladimir Putin.
Il-qawwiet tal-ajru Pollakki, intant, irnexxielhom iwaqqgħu numru minn dawk id-drones, waqt li l-Gvern ta’ Varsavja ltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-iżviluppi…Dan fost it-tħassib li l-Alleanza tan-NATO – li l-Polonja tifforma parti minnha — tista’ ma tkunx ippreparata biżżejjed għal konflitt militari mar-Russja.
Il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, fl-aħħar sigħat, żvela li li d-drones infiltraw l-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżu xejn anqas minn 19-il darba u li numru minnhom twaqqgħu mill-ajruplani tal-gwerra ta’ pajjiżu, li kienu appoġġjati mill-ajruplani F-35s tal-Olanda.
Sadanittant, ir-Russja qed tiċħad li l-inkursjoni bid-drones setgħet kienet intenzjonata mill-Kremlin. Madankollu, il-kelliema f’Moska ma dikjarawx ċar u tond li d-drones tar-Russi infiltraw illegalment l-ispazju tal-ajru sovran tal-Polonja. L-istqarrija tar-Russja qalet, sempliċiment, li ‘ma kien hemm l-ebda intenzjoni biex id-drones jolqtu xi miri fl-artijiet ikkontrollati mill-Pollakki’.
L-istqarrijiet, sadanittant, ma impressjonaw xejn lill-uffiċjali ewlenin fl-Ewropa.
Dan waqt li l-Ministru tad-Difiża tal-Ġermanja, Boris Pistorius, sostna li ma hemm l-ebda provi li l-azzjonijiet bid-drones (tar-Russja) fl-ispazju tal-ajru tal-Polonja setgħu seħħew b’xi mod aċċidentali.
U l-Ministru Taljan għad-Difiża, Guido Crosetto, irrefera għall-infiltrazzjoni tad-drones fil-Polonja bħala ‘attakk deliberat’ u ‘azzjoni intiża biex tipprovoka pajjiż tan-NATO anki waqt li r-Russi qed jevalwaw ir-reazzjonijiet tal-Alleanza’.
L-inkursjoni tad-drones hi wkoll l-akbar abbuż tal-ispazju tal-ajru tal-Polonja mill-inġenji tar-Russi u bħalissa, is-sens ta’ ansjetà hu kbir qalb it-Tmexxija Pollakka u r-residenti ta’ Varsavja.
Fil-fatt, il-Prim Minstru Tusk diġà wissa li l-Polonja tinsab eqreb ta’ konflitt militari mar-Russja milli qatt kienet miż-żmenijeit tat-Tieni Gwerra. Hu anki talab biex jiġi attivat Artiklu 4 tat-Trattat tan-NATO li jippermetti biex l-Istati tal-Alleanza jibdew it-taħditiet mal-Alleati rigward it-theddid partikulari għas-sigurtà tagħhom.
//= $special ?>