It-tri-atleta ta’ Team Barry / Bike it up Racing – Keith Galea – kellu prestazzjoni tajba meta spicca fir-raba’ post fil-Kampjonati Ewropej f’Istanbul, fit-Turkija. Il-kompetizzjoni kienet fuq distanza Sprint li tinkludi għawma ta’ 750 metru, fuq ir-rota għal 20 kilometru u tispicca b’ġirja ta’ 5 kilometri. Il-post fejn saret il-kompetizzjoni kien wieħed partikolari hekk kif parti mill-20 kilometru bir-rota l-atleti kellhom jaqsmu l-pont li jgħaqqad il-kontinenti tal-Ewropa u l -Ażja.
Galea beda it tellieqa b’pass b’saħħtu fejn irreġistra 11-il minuta fl-għawma biex telgħa mill-ilma fis -sitt post. Fuq ir-rota Galea rnexxielu jkun fi grupp ta’ atleti fejn sab koperazzjoni f’rotta li kienet waħda intensa bi tlajja u nżul flimkien ma’ riħ minn mal-ġenb li xejn m’għamilha faċli għall-atleti.
Keith Galea kien għadu fis-sitt post meta beda l-ġirja iżda sab pass b’saħħtu u veloċi fejn irkupra bosta pożizzjonijiet biex temm dawn il-Kampjonati Ewropej fir-raba’ post f’siegħa u 12-il minuta u bl-aħjar ħin personali fil-ġirja ta’ 5 kilometri fi 17-il minuta u 40 sekonda.
Galea kkummenta li kien sodisfatt ħafna bil-prestazzzjoni tiegħu fejn minkejja li ma temmx fuq il-podju, ta kollox fit-tellieqa u l-ħinijiet li għamel kienu l-aqwa li qatt għamel. Ikkummenta li biddel it-taħriġ tiegħu peress li kien qed jagħmel taħrig għal tlielaq fuq distanzi itwal u jinsab kuntent li t-taħriġ ħadem u li għadu kompetittiv fuq distanzi qosra.
//= $special ?>