Il-qtil brutali u xokkanti ta’ Charlie Kirk, influencer u attivist politiku konservattiv sieħeb tal-President Amerikan Donald Trump, qed jissemma bħala wieħed mill-aktar każi drammatiċi ta’ assassinju fl-istorja moderna tal-Istati Uniti….Assassinju li anki kien irrekordjat fl-hekk-imsejjaħ ‘real time’ u bil-filmati tal-qtil, f’kampus tal- università, imorru ‘viral’ madwar id-dinja permezz tal-mezzi soċjali.
Charlie Kirk kien jippromwovi l-ideoloġi tal-lemin u kemm-il darba żar l-universitajiet tal-pajjiż biex jiddibatti diversi punti polemikużi mal-istudenti — ħafna minnhom liberali tax-xellug. F’dawn id-dibattiti, il-kontroversji ma naqsux – tant li Kirk sar ‘sensazzjoni’ fuq il-mezzi ta’ TikTok permezz tal-messaġġi konservattivi tiegħu li ġieli twasslu b’ton aggressiv u intolleranti.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump ħalef li mhux se jistrieħ sakemm jinqabad il-qattiel ta’ Kirk u ssir il-ġustizzja miegħu. Dan wara li Charlie Kirk sofra tir fatali f’għonqu meta hu kien qed jindirizza folla ta’ madwar 3,000 waqt avveniment fuq il-kampus tal-università f’Utah.
L-Istat ta’ Utah hu fost il-ftit Stati Amerikani li għadhom jeżerċitaw il-piena massima u fl-aħħar sigħat, il-pulizija lokali kienu għaddejjin bi tfittxija intensiva għall-assassin ta’ Kirk li rnexxielu jaħrab dritt wara l-isparatura….Tfittxija li fiha nstab l-azzarin li x’aktarx intuża għar-reat.
Charlie Kirk kien ko-fundatur tal-entità Turning Point USA, magħrufa bħala organizzazzjoni taż-żgħażagħ….U l-ironija ta’ mewtu hi li hu, fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu, kien qed jitkellem bl-aktar mod imqanqal dwar il-vjolenza bl-armi tan-nar fl-Istati Uniti.
Kirk intlaqat mit-tir proprju meta hu kien qed iwieġeb mistoqsija dwar kemm, fl-aħħar snin, saru każi ta’ qtil tal-massa – magħrufin bħala mass shootings – fl-Istati Uniti.
Dritt wara l-isparatura, l-influencer ittieħed b’urġenza lejn l-isptar mill-membri tas-sigurtà tiegħu u fejn laħaq miet b’konsegwenza tal-ġrieħi kritiċi li ġarrab….Sadanittant, l-uffiċjali qed jaħdmu fuq teorija li Kirk inqatel minn sniper li spara t-tir fatali mill-bejt ta’ bini viċin il-bitħa tal-kampjus fejn il-vittma, dak il-ħin, kien qed jiddibatti mal-folla preżenti.
‘Jum iswed għall-Istati Uniti’
Il-President Trump, waqt diskors fl-Oval Office tal-White House, qal li l-qtil ta’ Kirk qed jitqies bħala ‘Jum Iswed għall-Istati Uniti’. Hu,intant, waħħal fl-elementi ‘radikali tax-xellug’ għal diversi każi ta’ vjolenza politika li seħħew is-sena l-oħra fl-Istati Uniti…Hawnhekk Trump irrefera wkoll għall-attentat tas-sena l-oħra fuq ħajtu u li kien seħħ f’Pennsylvania waqt rally politiku għar-Repubblikani.
‘Il-Gvern immexxi minni żgur li se jsib lill-persuna jew persuni li kontribwew għall-atroċità f’Utah, kif ukoll għal każi oħra ta’ vjolenza politika diretta għall-attivisti u partitarji tal-Partit Repubblikan’, sostna l-President.
Intant, Trump ma semma xejn dwar il-vjolenza mirata għad-Demokratiċi, inkella dwar il-każ ta’ Melissa Hortman, id-deputat Demokratiku minn Minnesota, u r-raġel tagħha li, f’Ġunju, spiċċaw vittmi ta’ omiċidju doppju.
Il-pulizija f’Utah fil-preżent qed iddur bieb, bieb, biex issib lill-qattiel. Dan ukoll waqt li l-pulizija arrestaw u ħelsu lil żewġ suspettati wara l-interrogazzjonijiet dovuti.
Id-Direttur tal-FBI, Kash Patel, qal, sadanittant, li l-investigazzjoni se tkompi għaż-żmien kollu meħtieġ u li l-Bureau kien se jkompli jiżvela l-informazzjoni partikulari fl-interessi tat-trasparenza.
Dan waqt li l-qtil partikulari qed ikun trattat bħala ‘active investigation’; bl-aġenti tal-FBI jissieħbu mad-Dipartimenti l-oħra tal-Pulizija fit-tfittxija għall-qattiel ta’ Charlie Kirk.
//= $special ?>