Żewġ qraba ta’ raġel li miet ix-xahar li għadda tressqu l-Qorti wara li ma ġabux ruħhom sew waqt seduta li saret l-Erbgħa. Horace u Nick Sciortino wieġbu ħatja għal diversi akkużi wara li waqt il-kumpilazzjoni ma rnexxielhom jikkontrollaw it-tensjoni li kellhom li kienet relatata mal-ġlieda fuq skala kbira fil-lukanda dB Seabank, nhar is-Sibt 26 ta’ Lulju li għadda,
Matul dik is-seduta ħareġ li membru tal-familha tagħhom, Roderick Sciortino, kien tilef ħajtu minħabba emoroġija fil-moħħ li ma setgħetx tiġi spjegata minn ebda korrimenti esterni. L-espert tal-Qorti Mario Scerri kkonferma li d-dmija interna kienet patoloġika u mhux ikkawżata minn trawma tal-ġlieda li seħħet dakinhar.
Fis-seduta tal-Ħamis iż-żewġt irġiel ġew akkużati li insulentaw lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, insulentaw jew hedddu lil żewġ pulizija, ma obdewx ordnijiet legali u tellfu l-ordni pubbliku. Nick Sciortino kien akkużat ukoll bħala riċediv.
Iż-żewġ imputati ammettew il-ħtija, bil-prosekuzzjoni tosserva li kienu diġà talbu skuża għal imġibithom waqt l-istqarrija tagħhom. Il-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-piena xierqa, bil-prosekuzzjoni titlob piena massima sospiża flimkien ma’ multa, filwaqt li l-avukat tad-difiża Amadeus Cachia sostna li l-każ ma jimmeritax priġunerija effettiva, hekk kif il-klijenti tiegħu kienu diġà tgħallmu lezzjoni.
Il-Qorti se tagħti s-sentenza nhar il-25 ta’ Settembru. Intant, il-pleġġ intalab u ngħata.
L-Ispetturi Gabriel Micallef u Jeffrey Rizzo mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Amadeus Cachia u l-prokuratur legali Paul Camilleri dehru għall-akkużati.
//= $special ?>