Mara ta’ 28 sena mill-Belt ġiet ikkundannata 20 xahar ħabs wara li ammettiet li serqet €1,000 minn dar fil-Gżira u par żarbun tad-ditta minn boutique hotel f’Tas-Sliema sena ilu, fi żmien meta kienet diġà fuq il-libertà proviżorja.
Il-Qorti kienet semgħet kif Cherise Mifsud kienet ġiet arrestata l-ewwel fuq suspett ta’ pussess ta’ droga, wara li l-Pulizija kienu msejħa minħabba rapport ta’ argument f’dar. L-Ispettur Roderick Attard kien spjega li waqt li kienu qed jitkellmu mar-residenti, wieħed mill-pulizija nnota l-imġiba suspettuża ta’ Mifsud u ssuspettaha li kienet qed taħbi droga. Madankollu, eżamijiet mediċi u CT scan f’Mater Dei ma sabu l-ebda traċċa ta’ droga.
Waqt li kienet għadha l-isptar, Mifsud ġiet arrestata mill-ġdid – din id-darba b’rabta ma’ żewġ każijiet ta’ serq: €1,000 fi flus kontanti minn dar fil-Gżira fil-5 ta’ Settembru 2024, u par trainers Nike minn boutique hotel f’Tas-Sliema fid-9 ta’ Settembru. Il-każ tagħha spiċċa aggravat minħabba l-valur tas-serq u l-fatt li wettqet dawn ir-reati waqt li kienet fuq il-ħelsien mill-arrest.
Mifsud eventwalment ammettiet l-akkużi quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, wara ftehim bejn id-difiża mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti kkundannatha 20 xahar ħabs, ordnat il-konfiska tal-garanzija ta’ €800, kif ukoll li tħallas lura €1,000 misruqa u €1,308 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>