Budget 2025 Lokali

5% biss mill-proposti taċ-Chamber ġew implimentati

Fl-editorjal ta’ The Malta Independent saret referenza għad-dokument ta’ qabel il-Budget ippublikat mill-Kamra tal-Kummerċ, li wera kif il-Gvern għandu bżonn jieħu deċiżjonijiet li huma diffiċli u mhux popolari. Dan sabiex jiġu indirizzati l-problemi strutturali li qed jaffettwaw l-ekonomija, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

L-editorjal fakkar kif iċ-Chamber irrimarkat li viżjoni mingħajr implimentazzjoni ma tfisser xejn, speċjalment meta 5% biss mill-219-il proposta tagħhom ġew implimentati; xi ħaġa li turi biċ-ċar in-nuqqas ta’ responsabbiltà min-naħa tal-Gvern.

Issemma’ kif kull Malti u Għawdxi qed jaffaċċja l-istess problemi, fosthom it-traffiku esaġerat, il-konġestjoni fil-lokalitajiet, u d-degradazzjoni ta’ spazji naturali.

Kull sena li tgħaddi mingħajr ma jkun hemm kwalunkwe azzjoni, is-sitwazzjonijiet isiru iżjed diffiċli biex jittranġaw, u l-ispiża tat-tiswija se jkun iżjed għolja.

Din se tnaqqas ukoll il-kompettività tal-kumpaniji lokali, iżda se tnaqqas anke l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Iċ-Chamber qalet li huma jixtiequ li l-Budget għal din is-sena ma jkunx biss lista ta’ wegħdiet, iżda jrid ikun hemm prova ċara li l-Gvern lest jagħmel deċiżjonijiet lil hinn mill-konvenjenza politika.

L-editorjal temm billi fakkar li l-Kamra tal-Kummerċ sostniet li żmien il-wegħdiet spiċċa, u li pajjiżna ħaqqu Gvern li ma jibżax mill-verità iżda li jaffaċċja l-isfidi b’onestà, kuraġġ u responsabbiltà.