Lejlet id-dwell kontra Hibernians, Birkirkara organizzaw konferenza stampa f’lukanda f’San Ġiljan, sabiex iħabbru sħubija ma’ sponsor ieħor ġdid għas-sentejn li ġejjin. Il-kumpanija internazzjonali tal-betting, bet-at-home ingħaqdet ma’ lista ta’ sponsors oħra li diġa’ qed jagħtu l-appoġġ lil Birkirkara. Il-logo ta’ bet-at-home se jkun qed jidher fuq wara tal-flokk tal-Istripes.
Waqt il-konferenza stampa, il-President tal-klabb, Michael Valenzia qal li t-tħabbira ta’ dan l-isponsor il-ġdid jimmarka pass importanti fit-tkabbir tal-iżvilupp ta’ Birkirkara.
“Din is-sħubija ma’ bet-at-home hija pass kbir ’il quddiem għall-klabb tagħna. Tipprovdi mhux biss appoġġ finanzjarju sinifikanti iżda wkoll sieħeb internazzjonali b’saħħtu li jaqsam l-ambizzjoni tagħna għas-suċċess fuq u barra l-grawnd,” tenna Valenzia.
bet-at-home twaqfet fl-1999 iżda bdiet topera f’Malta mill-2006. Il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-kumpanija tal-betting, Roland Aigner qal “li kien wasal iż-żmien li nuru impenn lokali, li ninsabu kburin bih u għalhekk qed nagħtu l-appoġġ lill-wieħd mill-aqwa klabbs tal-futbol f’Malta, Birkirkara. Nemmen li dan huwa ż-żmien perfett biex nagħtu l-appoġġ finanzjarju tagħna, għaliex jidher ċar li l-futbol Malti, kollu kemm hu, qed jikber u rridu nkunu parti minn dan it-tkabbir. Għaldaqstant il-ftehim tagħna ma’ Birkirkara jikkonferma dan.”
Kif mistenni, waqt din il-konferenza stampa, il-President ta’ Birkirkara kien mistoqsi dwar il-ħatra tal-kowċ il-ġdid tal-Istripes.
Valenzia qal li l-ħatra se ssir dalwaqt. Huwa qal li l-klabb ħa ftit żmien għax riedu jagħżlu l-aħjar għażla.
Filwaqt li rringrazzja lill-kowċ preċidenti, Stefano De Angelis għas-servizz li ta lill-klabb, hu rringrazzja lill-kowċis kollha li f’dawn l-aħħar jiem kienu f’diskussjonijiet magħhom, wara li esprimew interess fil-kariga.
Valenzia żied jgħid li appena sar magħruf li De Angelis ma kienx se jibqa’ fit-tmexxija ta’ Birkirkara, il-klabb immedjatament beda jirċievi CVs mingħand kowċis lokali u barranin li kienu lesti li jassumu r-rwol ta’ kowċ ta’ Birkirkara.
Gianluca Festa mistenni jkun il-kowċ il-ġdid ta’ Birkirkara

Gianluca Festa, l-isem li possibilment se jkun qed jiġi żvelat minn Birkirkara bħala l-kowċ il-ġdid tat-tim
Intant ftit qabel ma bdiet il-konferenza stampa, sezzjoni tal-media lokali żvelat l-isem tas-suċċessur ta’ De Angelis.
Dan mistenni jkun l-eks difensur ċentrali Taljan, b’esperjenza bħala plejer fis-Serie A ma’ diversi klabbs, fosthom Inter, Roma u Cagliari.
Fl-istaġun 2002/03, Festa kellu esperjenza qasira fl-Ingilterra, fit-tieni livell ta’ futbol f’dan il-pajjiż, fejn lagħab ma’ Portsmouth. Mat-tim ta’ Pompey, fl-uniku staġun li Festa lagħab magħhom, hu kien għen lil Portsmouth jirbħu l-promozzjoni għall-Premier League Ingliż.
Bħala kowċ, Festa mexxa lil Cagliari, fost l-oħrajn, u l-aħħar esperjenza tiegħu kienet ma’ PAS Lamia 1964, fis-Super League tal-Greċja.
F’kummenti li Valenzia ta’ lil In-Nazzjon, dan ta indikazzjoni li l-kowċ il-ġdid mistenni jkun disponibbli mill-partita li jmisshom jilgħabu Birkirkara f’match day 4 tal-Malta Premier u li se tkun kontra Sliema Wandereres.
//= $special ?>