Lokali

Clyde Caruana mħasseb li qed jonqsu t-tfal tal-Maltin

Ftit ġimgħat qabel it-tħabbira tal-Budget għall-2026, il-Ministru Clyde Caruana għażel li ma jweġibx jekk il-familji Maltin u Għawdxin qed jgħixu ħajja ta’ kwalità. Dan minkejja li issa għaddiet sena mill-Budget li l-Gvern għamel sabiex – suppost – pajjiżna sar ta’ “kwalità”.

F’konferenza li għamel il-Ġimgħa filgħodu, b’diskussjoni dwar il-Budget flimkien mal-imsieħba soċjali u numru ta’ nies fin-negozju – Clyde Caruana ħabbar b’pompa l-pre-budget document. Iżda minkejja x-xinxilli kollha, Caruana baqa’ ma weġibx jekk il-Maltin u l-Għawdxin hux qed jgħixu ħajja ta’ kwalità.

Clyde Caruana, ma weġibx lanqas dwar kif se jkun qed jindirizza r-rata baxxa ta’ fertilità f’pajjiżna. Bil-Ministru jgħid lill-midja sabiex jistennew sal-budget.

Surrealment – fid-diskors tiegħu, Caruana – li huwa Ministru tal-Partit fil-Gvern, iddikjara li dan is-suġġett ma jiġix diskuss biżżejjed. U appella lill-imsieħba soċjali sabiex jippressaw lill-partiti politiċi ħalli jindirizzaw din il-kriżi tal-fertilità. Fejn fi kliem sempliċi, il-Maltin mhux ikollhom tfal daqskemm kien ikollhom qabel.

Intant, Clyde Caruana ħarab milli jwieġeb dwar kemm qed jitħallas l-impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Neville Gafà – li hu parti mill-faxxa estremista tal-Labour. Dan hekk kif Caruana farfar fuq il-mexxej tiegħu.

F’konferenza li ħadet mhux inqas minn 3 sigħat, il-Ministru Laburista sabha iebsa ferm li jispjega l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi.

Dan filwaqt li ddikjara li d-dejn ta’ pajjiżna – li issa qabeż 11-il biljun ewro – se jkompli jiżdied. Bir-riżultat li l-ħofra fil-finanzi mhux se tiġi indirizzata.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini.