Wara xhur ta’ restawr estensiv, Dar Sant’Anna fl-Isla reġgħet fetħet il-bibien tagħha sabiex toffri servizz fil-komunità, din id-darba lil persuni b’diżabbiltà ta’ etajiet u b’abbiltajiet differenti. Sa ftit snin ilu din il-proprjetà storika tal-Knisja kienet tilqa’ lill-anzjani.
L-Arċisqof Charles Scicluna bierek u inawgura din id-dar residenzjali, li issa qed titmexxa minn HILA Homes Ltd, parti minn CareMalta Group. Din hi inizjattiva oħra fejn il-Knisja qed tuża proprjetà tagħha għal għan soċjali.
Dar Sant’Anna tipprovdi bosta servizzi terapewtiċi, edukattivi u fiżiċi skont il-bżonnijiet individwali tal-persuni residenti. Ir-residenti ta’ din id-dar huma persuni li ilhom bosta snin parti mill-vjaġġ ta’ HILA.
L-inawgurazzjoni bdiet b’quddiesa mill-Arċisqof Scicluna fil-kappella tad-dar, ikkonċelebrata mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Martin Micallef, u l-Arċipriet tal-Isla Dun Robin Camilleri. Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof qal li din id-dar hi sinjal ta’ tama għall-persuni vulnerabbli u s-soċjetà kollha. “Dan hu messaġġ ta’ inklussività,” saħaq l-Arċisqof. “Hawnhekk, ir-residenti jistgħu jibqgħu f’ambjent familjari imma jkun hemm min jieħu ħsiebhom, iħossuhom milqugħa u anke l-qraba tagħhom ikollhom is-serħan tal-moħħ u l-qalb li mhux se jkunu weħidhom jew abbandunati.”
Hu rringrazzja lil CareMalta ta’ dan l-impenn li daħlet għalih u li permezz tiegħu se jibbenefikaw persuni vulnerabbli li huma qrib ħafna l-qalb tal-Knisja.
Dun Robin Camilleri, l-Arċipriet tal-Isla, iddeskriva din id-dar bħala spazju ta’ merħba, kura u solidarjetà fejn il-valuri tal-Evanġelju jitqiegħdu fil-prattika ta’ kuljum. “Dar Sant’Anna hi stedina għal kull Senglean biex ilkoll flimkien nibqgħu nibnu soċjetà li tagħti ġieħ u dinjità lil kull persuna, b’mod speċjali lil min hu vulnerabbli,” qal l-Arċipriet.
Iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Natalie Briffa Farrugia, semmiet kif dan hu proġett ieħor fejn l-Istat, il-Knisja u l-privat jaħdmu flimkien sabiex jilħqu l-għan soċjali tagħhom u jagħtu lill-persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna d-dinjità u r-rispett li jixraqilhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hila, Janet Silvio, spjegat kif it-tranżizzjoni għal din id-dar seħħet fuq medda ta’ xhur, u llum, il-persuni li jgħixu f’Dar Sant’Anna huma kuntenti b’dan il-pass u qed jiġu integrati ħafna aktar minn qabel fil-komunità”.
HILA twaqqfet fl-2015 u llum topera minn seba’ faċilitajiet f’Malta u tipprovdi servizzi lil persuni b’diżabbilità, tfal f’kura alternattiva, individwi b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali, u persuni b’mard ta’ żvilupp newro-moturi.
Dwar Dar Sant’Anna
Dar Sant’Anna tmur lura sas-sena 1794, meta Nicolò Dingli u martu Madalena Cornelio ħallew b’testment id-dar tagħhom fix-Xatt tal-Isla — li kellha wkoll oratorju — biex tinbidel fi sptar għan-nisa anzjani, foqra u b’diżabbilità. Eventwalment, din saret magħrufa bħala ‘Ospizio Sant’Anna’. Fl-1817, il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Malta, il-Kanonku Dun Xmun Biagio, bierek l-ospizju u sentejn wara d-dar laqgħet l-ewwel residenti tagħha.
Fl-1898, is-Sorijiet Terzjarji Franġiskani bdew jagħtu s-servizz tagħhom f’din id-dar, li dam għaddej għal aktar minn 80 sena. Fil-bidu tas-snin tmenin id-dar twaqqgħet biex inbniet id-dar li hemm illum u li ġiet inawgurata mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fit-30 ta’ Ġunju 1987. Dar Sant’Anna waqfet tintuża bħala dar għall-anzjani fl-2019.
//= $special ?>