L-eks plejes internazzjonali Taljani, Fabio Cannavaro u Christian Vieri se jkunu qed jakkumpanjaw lill-President tal-FIFA, Gianni Infantino waqt żjara ta’ ftit sigħat li dan tal-aħħar se jkun qed jagħmel f’pajjiżna nhar it-Tnejn li ġej.
Net News jista’ jikkonferma b’mod eskliussiv, li tnejn mil-akbar leġġendi tal-futbol Taljan, Cannavaro u Vieri se jkunu qed jaslu f’Malta flimkien mal-President tal-FIFA sabiex nhar it-Tnejn li ġej, dawn ikunu preżenti għaċ-ċerimonja inawgurali tal-FIFA Arena fl-Iskola Primarja ta’ Maria Regina f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll aktar tard filgħaxija se jiftħu l-Malta Football Centre f’Ta’ Qali.
Dan l-avveniment jifforma parti mill-proġett tal-FIFA, u se jkun qed jara l-inawgurazzjoni ta’ pitch ġdid tal-five-a-side fi ħdan il-binja tal-iskola.
Vieri, li llum għandu 52 sena, lagħab viċin il-50 partita mal-Italja u skorja 23 gowl. Hu lagħab ma’ diversi klabbs, fosthom ma’ Juventus, Inter u Milan.
Cannavaro kellu aktar suċċessi mal-Azzuri. Hu kien il-captain tat-tim nazzjonali Taljan ,li fl-2006 rebaħ it-Tazza tad-Dinja, fl-edizzjoni li kienet saret fil-Ġermanja.
Bħala difensur ċentrali, Cannavaro hu wieħed mill-ftit difensuri fl-istorja tal-futbol internazzjonali li rebaħ il-Ballon D’Or, fis-sena 2006. Hu lagħab 136 partita mal-Italja u skorja darbtejn. Tul il-karriera tiegħu, Cannavaro, li llum għandu 51 sena, lagħab fost l-oħrajn ma’ Inter, Juventus u Real Madrid.
//= $special ?>