Lokali

Ftehim mal-ħaddiema li ġew issensjati

Wara diskussjonijiet estensivi u kostruttivi, il-UHM Voice of the Workers laħqet ftehim fil-prinċipju dwar il-pakkett finanzjarju għall-ħaddiema ta’ Carlo Gavazzi rappreżentati mill-istess Union. Il-pakkett ġie ppreżentat formalment dalgħodu lill-ħaddiema li taw il-kunsens tagħhom. Il-UHM tirrappreżenta 70 ħaddiem f’diversi gradi fosthom inġiniera, tekniċi, managers u klerikali.

Il-UHM Voice of the Workers tesprimi r-ringrazzjament tagħha lill-partijiet kollha involuti f’dawn in-negozjati intensivi, inkluż lir-rappreżentanti tal-impjegati u lill-impjegati ta’ Carlo Gavazzi nfushom. Grazzi għall-impenn u l-appoġġ tagħhom, il-ftehim seta’ jintlaħaq.

F’isem il-UHM Voice of the Workers Isabelle Farrugia, Assistent Direttur qalet li ‘d-diskussjonijiet kienu ta’ sfida. Madankollu, wara maratona ta’ laqgħat, intlaħaq ftehim hekk kif il-kumpanija Carlo Gavazzi ressqet viċin tal-proposti. Il-pakkett finanzjarju ppreżentat illum jassigura li l-ħaddiema ta’ din il-kumpanija se jingħataw l-aħjar pakkett possibbli fiċ-ċirkostanzi.’

Dan il-ftehim jirrappreżenta pass importanti ’l quddiem biex jiġu garantiti kundizzjonijiet u benefiċċji aħjar għall-ħaddiema. Huwa wkoll prova ta’ impenn konġunt biex jintlaħaq ftehim ġust.

Il-UHM Voice of the Workers tixtieq tirringrazzja wkoll lill-General Workers Union, li ħadmet id f’id mal-UHM Voice of the Workers fuq l-istess mejda ta’ negozjati. Il-kordinazzjoni bejn il-partijiet kollha kienet element essenzjali biex jintlaħaq il-ftehim.

Sadattant, il-UHM se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema u tosserva li dak li ġie maqbul fil-prinċipju jiġi regolarizzat u implimentat.

Il-GWU qalet minn naħa tagħha li fix-xhur li ġejjin, meta s-sensji jibdew iseħħu, il-GWU se tkompli tassisti lil dawn il-ħaddiema biex jintegraw mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol, billi tgħinhom isibu impjieg ma’ kumpaniji lokali li qed ifittxu persunal b’esperjenza.

Il-GWU tibqa’ kommessa li tiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema f’kull ċirkostanza.