Internazzjonali

Ġie kkonfermat li l-allegat qattiel ta’ Charlie Kirk inqabad mill-Pulizija

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-allegat qattiel tal-attivist konservattiv Charlie Kirk f’università f’Utah inqabad, u b’hekk intemmet tfittxija intensiva wara dak li Trump sejjaħ bħala “assassinju orribbli”.

Il-qattiel ta’ Kirk nqabad mill-awtoritajiet 33 siegħa wara l-isparatura ta’ nhar il-Erbgħa, meta l-qattiel spara tir wieħed f’għonq Kirk waqt li kien qed jagħmel diskors lill-grupp ta’ studenti fl-Università ta’ Utah Valley. Kirk miet ftit tal-ħin wara li ttieħed l-isptar.

L-allegat qattiel ġie iddentifikat bħala Tyler Robinson, ragel ta’ 22 sena, u Trump ikkonferma li kien missieru l-allegat qattiel stess li rrappurtah lill-Pulizija, wara li Robinson mar jammetti miegħu x’għamel. Il-familja tiegħu tkellem b’mod negattiv dwar Kirk qabel seħħet l-isparatura.

Dan ġie wkoll ikkonfermat mill-gvernatur ta’ Utah Spencer Cox, f’konferenza stampa, li qal ukoll li fuq l-iskartoċċi kien hemm miktub “Hey fascist! Catch!“, “o bella ciao, bella ciao” u “if you read this you are gay lmao“.

Minn naħa tiegħu, id-direttur tal-FBI, Kash Patel, qal li l-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil ta’ Kirk għadhom għaddejjin.

Trump qal ukoll li se jkun qed jattendi l-funeral ta’ Charlie Kirk, filwaqt li qal li jispera li l-qattiel jingħata l-piena kapitali.