Lokali

Il-PN iressaq sottomissjoni formali dwar it-taparsi riforma, mgħaġġla u bla konsultazzjoni, fl-ippjanar

Il-Gvern għandu jirtira l-abbozzi minnufih u jniedi proċess ta’ konsultazzjoni vera, waqt li jippubblika l-istudji dwar l-impatt ta’ dan it-tibdil

Il-Partit Nazzjonalista ressaq sottomissjoni formali dwar l-emendi proposti mill-Gvern Laburista fis-sistema tal-ippjanar, imressqa bil-għaġla u mingħajr ebda konsultazzjoni mill-Gvern Laburista wara snin ta’ tnikkir.

Din is-sottomissjoni hija b’konsistenza ma’ dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti fuqu għal snin sħaħ: kull riforma tal-ippjanar għandha tkun serja, trasparenti, ġusta u olistika, ibbażata fuq għarfien xjentifiku, u fuq konsultazzjoni wiesgħa u parteċipattiva.

Minflok ma jsaħħu s-sistema tal-ippjanar, l-abbozzi tal-Gvern se jdgħajfuha, billi jnaqqsu d-drittijiet taċ-ċittadini, jagħtu setgħat eċċessivi lill-Eżekuttiv u lill-Ministru, u jinkoraġġixxu l-abbuż u l-illegalitajiet.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Stanley Zammit u Rebekah Borg sostnew li għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jinsisti li l-Gvern għandu jirtira dawn l-abbozzi minnufih u jniedi proċess serju b’konsultazzjoni vera u miftuħa li jkun jinkludi l-pubblikazzjoni ta’ evidenza xjentifika u studji dwar l-impatt li kull tibdil potenzjalment jista’ jkollu.

It-tibdiliet proposti jġibu magħhom riskji serji: se jkissru l-ġerarkija tal-liġi u jkomplu jnaqqsu l-fiduċja tan-nies fis-sistema tal-ippjanar, se jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni u jiftħu l-bieb għal regolarizzazzjoni u amnestija ta’ illegalitajiet, anke f’ODZ. L-għan għandu jkun li jiġu restawrati ċ-ċertezza, il-prevedibbiltà u l-ġustizzja fil-proċess kollu, mhux li jitħalla aktar spazju għal interpretazzjoni, arbitrarjetà u abbuż.

Il-Partit Nazzjonalista kien diġà propona li permess li jkun appellat ikun sospiż u jaqbel ma’ timelines definiti. Mill-banda l-oħra, l-emendi proposti huma oġġezzjonabbli għall-aħħar għaliex effettivament se jirrestrinġu d-dritt tal-pubbliku li jappella mid-deċiżjonijiet tal-ippjanar anke bl-introduzzjoni ta’ multi kbar li jbeżżgħu lin-nies milli jappellaw. Agħar minn hekk, se jdgħajfu lill-istess Qrati tagħna, li se jitpoġġew f’pożizzjoni fejn ma jistgħux iħassru direttament permess illegali. Saħansitra hemm klawsoli li jippermettu li xogħol jibda waqt li għadu għaddej appell, u anke jekk il-permess jiġi annullat iktar tard, ix-xogħol jibqa’ meqjus legali. Dan mhux biss iħalli sistema arbitrarja, imma joħloq ċirku vizzjuż ta’ inċertezza li jagħti vantaġġ lil min jikser il-liġi.

Dawn l-emendi qed inaqqsu r-rwol tal-ambjent fil-proċess tal-ippjanar. Il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u sanitarji, li huma essenzjali biex kull żvilupp ikun sostenibbli u sigur, qed jitħallew barra. Il-konsegwenza hija ċara: iktar bini bla kontroll, inqas protezzjoni għall-ambjent naturali u urban tagħna, u inqas kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini.

F’din is-sottomissjoni, il-Partit Nazzjonalista saħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ mekkaniżmu formali ta’ medjazzjoni u kjarifikazzjoni imparzjali bejn l-Awtorità, l-applikant, min joġġezzjona, l-NGOs, il-consultees interni u esterni tal-Awtorità, il-kunsilli lokali u ċ-ċittadini. Dan il-proċess ta’ medjazzjoni għandu jservi biex ħafna kwistjonijiet jiġu ċċarati u solvuti minn kmieni, tiġi evitata l-konfrontazzjoni bla bżonn u jitnaqqsu l-ispejjeż u d-dewmien għal kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jressaq alternattiva konkreta, ibbażata fuq viżjoni li tpoġġi lill-bniedem u l-ambjent fiċ-ċentru tas-sistema tal-ippjanar, filwaqt li tiżgura li l-liġijiet jiġu applikati b’ġustizzja, trasparenza u responsabbiltà.