Lokali Qorti

Imħallef tħeġġeġ għal iktar pieni ħorox f’każijiet ta’ vjolenza domestika

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet l-appell ta’ raġel ikkundannat għal vjolenza domestika kontra l-partner tiegħu, waqt li qalet li l-Qrati għandhom jibdew japplikaw pieni ferm aktar ħorox f’dan it-tip ta’ każijiet.

Ir-raġel, ikkundannat f’Lulju 2023, kien instab ħati li hedded u offenda lill-partner tiegħu, anki permezz ta’ apparat elettroniku, u ġie mmultat €5,000 mill-Qorti tal-Maġistrati. L-episodju seħħ waqt diskussjoni dwar aċċess għat-tifla minuri tagħhom li kienet tgħix mal-omm.

Filwaqt li fl-appell tiegħu s-suspettat insista li r-relazzjoni mal-omm kienet tjiebet u li kien talab l-għajnuna li kellu bżonn, l-Imħallef Scerri Herrera nnutat li kien ċempillha erba’ darbiet, joffendiha u jheddidha quddiem it-tifla tagħhom.

Il-Qorti qalet li semgħet recordings li fihom it-tifla kienet tidher imħawda u tibki, u ssejjaħ lill-ommha. F’recording oħra, ir-raġel kien jinstema’ jgħid “se nkissirlek snienek” flimkien ma’ insulti oħra, kollox waqt li t-tifla kienet taħt il-kustodja tiegħu.

L-Imħallef iddeskriviet l-imġiba tiegħu bħala totalment inaċċettabbli, u enfasizzat li l-ebda forma ta’ vjolenza domestika ma tista’ tiġi ttollerata. “Imġiba bħal din m’għandhiex post fis-soċjetà tagħna u l-Qorti ma turi ebda tolleranza lejn min jikkawża trawma fit-tul lill-vittmi,” hija qalet.

Hija żiedet li wasal iż-żmien li l-qrati jibdew jikkunsidraw pieni ħafna aktar ħorox f’każijiet ta’ vjolenza domestika, biex jintbagħat messaġġ ċar li l-vjolenza ma tistax tintuża bħala mezz ta’ intimidazzjoni jew ta’ kontroll fuq il-partner.