Wasal iż-żmien li fil-politika ninsew l-attakki personali. Iżda nattakkaw l-argument politiku.
Dan qalu l-Kap tal-PN Alex Borg hekk kif matul il-jum tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn hemmhekk iddiskutew diversi temi ta’ interess nazzjonali.
Robert Abela laqa’ lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista u lid-delegazzjoni li kienet tinkludi lis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u lill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione. Preżenti wkoll il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, u l-President tal-Eżekuttiv Joseph Grech.
Fil-laqgħa, Robert Abela awgura lil Alex Borg għall-ħatra tiegħu bħala kap ġdid tal-partit kif ukoll bħala kap tal-oppożizzjoni.
Kemm Alex Borg u anke Robert Abela tkellmu fuq l-importanza ta’ konverġenza nazzjonali, bejn iż-żewġ partiti. Huma insistew fuq rispett reċiproku fejn minkejja d-diverġenzi jridu jaħdmu flimkien għall-interess nazzjonali.
Alex Borg insista illi lil hinn mill-politika tal-aħmar u l-blu, se jara li jiġu mħarsa l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, billi jħaddan politika li titbiegħed mill-attakki personali – politika li tgħaqqad.
Intant, il-Prim Ministru se jkun qed jirreċiproka din il-laqgħa bi żjara fid-Dar Ċentrali tal-PN fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>