Sport

Jikkwalifika fit-tieni l-aktar avveniment prestiġjuż tas-snooker

Brian Cini

Brian Cini jinsab fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-U.K. Championship. Dan wara li l-World Professional Billiards and Snooker Association u l-World Snooker Tour  ħabbru il-kriterji ta’ kwalifikazzjoni għall-U.K. Championship tal-plejers professjonali ta’ din is-sena.

Brian Cini huwa eliġibbli biex jieħu sehem fil-fażi tar-rounds ta’ kwalifikazzjoni ta’ dan il-kampjonat. Huwa kiseb dan id-dritt wara li fil-bidu ta’ din is-sena f’Saida, il-Marokk, kien wasal sal-finali tal-Kampjonat tad-Dinja tal-Amateurs iżda tilef kontra ċ-Ċiniż, Gao Yang.

Il-fażi ta’ kwalifikazzjoni ta’ dan il-kampjonat ser isiru bejn it-22 u s-27 ta’ Novembru f’Wigan. Minn din il-fażi 16-il plejer  jikkwalifikaw biex jingħaqdu ma’ 16-il plejer professjonali li jkunu daħlu dirett għal fażi finali. Din il-fażi ssir f’Barbican York, bejn id-29 ta’ Novembru u s-7 ta’ Diċembru.

Il-U.K. Championship għall-plejers professjonali huwa t-tieni l-aktar avveniment prestiġjuż tas-snooker internazzjonali wara l-Kampjonat tad-Dinja. Dawn iż-żewġ kampjonati flimkien ma’ dak tal-Masters jiffurmaw parti mit-Triple Crown.

Ħdax-il plejer rebħu t-tliet kampjonati tat-Triple Crown fil-karriera tagħhom.

Brian Cini li huwa ċ-champion renjanti tas-Snooker lokali wara s-suċċess li kiseb waqt il-Kampjonat tad-Dinja tal-Amateurs, f’April li għadda diġà ħa sehem fil-fażi tar-rounds ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat tad-Dinja għall-plejers professjonali fejn fi Crucible Sheffield, kien tilef fl-ewwel round kontra ċ-Ċiniż, Wang Yuchen.