Għawdex Lokali

“Kien hemm mumenti fejn ħassejtni li qbiżt il-limitu” – Neil Agius dwar l-isfida The Gozo 7

Wara li ftit tal-jiem ilu l-atleta Neil Agius temm b’suċċess l-isfida The Gozo 7 hu qasam l-esperjenza tiegħu f’konferenza tal-aħbarijiet fejn kompla joħroġ b’mod mill-aktar evidenti kemm dan l-atleta sar ispirazzjoni kbira għal bosta matul l-aħħar snin.

The Gozo 7 kienet sfida fejn l-atleta Neil Agius għamel 7 għawmiet madwar Għawdex – sfida li għal ħafna kienet tidher impossibbli iżda Neil Agius għamilha possibbli.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-atleta esprima li f’diversi punti matul l-isfida huwa ħass li kienet idea ħażina jew li qabeż il-limitu; iżda hu spjega li mal-mument li kien imiss mal-baħar kien jinsa l-ħsibijiet kollha, u jidħol b’determinazzjoni kbira għall-isfida.

Huwa qal ukoll li matul l-isfida kien qed jorqod biss massimu ta’ sagħtejn kuljum jew f’każijiet oħra kien saħansitra qed jibqa’ għaddej għal 15-il siegħa u għalhekk f’ċertu mumenti kien iħoss li ma setax jieħu ċertu deċiżjonijiet.

Neil Agius spjega li t-tobba li segwew l-isfida tiegħu avżawh biex jieħu ħsieb saħħtu u f’dak il-mument ħaseb li ma kienx se jirnexxielu jtemm din l-isfida –iżda bid-determinazzjoni tiegħu rnexxielu.

Meta kien mistoqsi għalfejn jagħmel sfidi bħal dawn, huwa qal li jemmen li hija ta’ ispirazzjoni li tara lil xi ħadd għaddej minn xi ħaġa hekk u mbagħad ikompli jipprogressa. U nsista li hija xi ħaġa verament sabiħa li fil-ħajja niġu ispirati minn xulxin.