Lokali Mużika

Kollox lest għat-33 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza

Ritratt: Joseph Galea

Kollox jinsab lest għat-33 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza – konkors ta’ livell għoli li se jitwassal is-Sibt, u li fih il-parteċipanti jkantaw kanzunetti oriġinali bil-Malti miktuba minn kompożituri u awturi lokali.

Dan il-konkors, organizzat minn Net Media, se jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.

Eileen Montesin, Christine Haber u Dylon Brignano se jkunu l-preżentaturi tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza ta’ din is-sena.

Il-finali ta’ din is-sena se twassal 20 kanzunetta kollha oriġinali bil-Malti, li se jikkompetu għall-ewwel post kif ukoll għal bosta premjijiet oħra, u l-avveniment jixxandar ukoll b’mod dirett fuq Net Television.

U matul il-jum tal-Ġimgħa kienu għaddejjin l-aħħar provi tal-finali, sabiex is-Sibt filgħaxija l-udjenza kemm preżenti f’Dar il-Mediterran u kemm dawk li se jkunu qed isegwu minn djarhom ikollhom l-aqwa esperjenza possibbli.

Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar il-provi li kienu għaddejjin filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema għad-dedikazzjoni tagħhom. Dan filwaqt li awgura lill-kontestanti kollha u rrimarka fuq l-importanza li jsiru avvenimenti fejn it-talent Malti, b’lingwa Maltija, jkunu fiċ-ċentru.

Intant, wieħed għadu jista’ jakkwista l-biljetti għal din is-serata tas-Sibt.